Lokali

Repubblika tirreaġixxi għat-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi

It-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi hi pass wieħed fit-triq twila u iebsa lejn il-verità u l-ġustizzja.

Hekk qalet l-organizzazzjoni Repubblika fi stqarrija, b’reazzjoni għall-aħbar li ħarġet ilbieraħ filgħaxija, fejn laqgħet il-fatt li wara snin li fihom l-organizzazzjoni ħasset li ġiet redikolata u mhedda, issa l-pajjiż qed jirrealizza “li għandna mafja li ħakmet il-poter”.

Madankollu, appellat għall-kawtela għax l-ekosistema ta’ korruzzjoni u impunità li żviluppat u ħakmet lil pajjiżna hi ferm akbar minn Konrad Mizzi. Għax filwaqt li temmen li Konrad Mizzi kkontribwixxa għal dan u għandu jirrispondi għal għemilu, Repubblika tħoss li Konrad Mizzi hu wkoll sintomu ta’ din il-marda li qed tifni lil Malta.

Repubblika tenniet li hu inutli nippruvaw nirtokkaw xi ħaġa msewsa jew inbajdu dar mingħajr pedamenti. Il-problema fundamentali ta’ pajjiżna tinsab fil-fond u fejn ma jidhirx. L-organizzazzjoni tenniet għall-kuraġġ li nagħrfu għaliex l-istituzzjonijiet tagħna jipparalizzaw ruħhom quddiem min għandu l-poter politiku jew finanzjarju.

Ir-Repubblika kompliet li hemm bżonn noħorġu fil-beraħ l-interdipendenza u r-relazzjoni inċestwa u qerrieda bejn il-politiċi u l-business. Jeħtieġ nirrikonoxxu il-manipulazzjoni, kemm dik goffa kif ukoll dik sottili, tal-mezzi talinformazzjoni minn dawk li għandhom il-poter politiku u finanzjarju.

Konrad Mizzi għamel dak li għamel għax kien hemm Joseph Muscat, Keith Schembri, Nexia BT, uffiċjali fil-Pulizija li m’għamlux xogħolhom, istituzzjonijiet tal-Istat maħkuma, businessmen lesti jħamġu u jitħammġu, ċittadini li jippreferu ma jiftħux ħalqhom sakemm qed jieklu, korpi kostitwiti imexxija aktar mill-biża’ u l-interess settorjali, sezzjonijiet tal-media li jagħżlu li jħarsu n-naħa l-oħra, klassi politika inkompetenti, mixtrija jew li tħares biss sal-kaxxa tal-vot.

Repubblika qed tappella wkoll għall-onestà dwar dak li qed iwassal biex nibdew it-triq mill-ħofra li ninsabu fiha. Tenniet ukoll is-sejħa biex minnufih tinbeda investigazzjoni konġunta bejn il-Europol u l-Pulizija ta’ Malta, fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-korruzzjoni, li kienet il-kawża tal-qtil tagħha.

L-Avukat Ġenerali għandu jaqta’ l-iskużi. Dan il-pass hu fil-poter u fir-responsabbiltà tiegħu u m’għandu bżonn lil ħadd jiġbidlu l-ispaga biex jagħmel dmiru, temmet tgħid l-istqarrija.