Lokali Parlament

Robert Abela ma ddeċidiex f’waqtu dwar Konrad Mizzi

Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia sostna fil-parlament li l-Prim Ministru Robert Abela ma ddeċidiex f’waqtu li Konrad Mizzi jitkeċċa mill-PL; kieku d-deċiżjoni ttieħdet f’waqtha kieku l-poplu evita l-miljuni li kellu jħallas fil-korruzzjoni.

Il-Kap tal-PN għamel riferenza għat-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi mill-PL u r-raġuni tal-PL tgħid li dawn id-deċiżjonijiet qed jittieħdu f’waqthom biex ma tiġix imtappna l-ħidma tal-PL fil-Gvern.

Hu qal li d-deċiżjoni suppost ilha li ttieħdet snin iżda l-PL qed jgħid li ttieħdet ilbieraħ biex ma tiġix imtappna r-reputazzjoni tal-partit. Hu sostna li isem il-pajjiż ilu jiġu mtappan u Konard Mizzi kien il-persuna li fost oħrajn tappan din ir-reputazzjoni.

Il-Kap tal-PN qal li jiskanta kif il-PL wasal għal din id-deċiżjoni propju t-Tlieta; isem Konrad Mizzi inxtered mad-dinja meta kien l-uniku ministru fl-UE li ma kienx irriżenja wara li nqabad bil-Panama Papers.

Adrian Delia staqsa jekk il-Prim Ministru kien jaf qabel t-Tlieta bil-Panama Papers u b’17 Black. Dawn kienu fatti li jafhom il-poplu Malti u l-ġurnali lokali u internazzjonali. Qisu l-Prim Ministru sar jaf bihom nhar it-Tlieta.

Bl-istess mod id-deċiżjoni tal-Montenegro fejn il-Prim Ministru qal li kien diżgustat meta kien ilu jaf min-Novembru, skont kif stqarr l-istess ex Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Robert Abela hu persuna li mhux veru qed jieħu d-deċiżjonijet iżda qed joħodhom ħaddieħor u hu jħabbarhom.

Il-Kap tal-PN kompla li d-deċiżjoni tal-PL li jkeċċi lil Konrad Mizzi ma kientix f’waqtha. Hu rrifera għat-turiżmu u għall-MTA fejn fil-PAC irriżulta li kienet instabet kumpanija privata li tawha €4.5 miljun biex jagħmlu xi ħaġa li ma saritx u biex jagħmlu investiment ta’ turisti lejn il-pajjiż, li ma ġewx.

Il-Kap tal-PN kompla illi kieku Konrad Mizzi tneħħa f’waqtu, kieku l-poplu ma kienx iħallas dawn l-€4.5 miljun. Konrad Mizzi inħatar ukoll konsulent wara li dan irriżenja minn Ministru tat-Turiżmu.

Kieku d-deċiżjoni kienet f’waqtha kieku ma sarx il-kuntratt tal-Electrogas u kieku l-poplu franka €96 miljun. Kieku d-deċiżjoni kienet f’waqtha Konrad Mizzi ma kienx jiffirma kuntratt ta’ €100 mal-Vitals biex jorbot lill-poplu li jridu jitħallsu €100 miljun u kieku n-negozju mal-Montenegro ma kienx jiswa €10 miljuni lill-poplu Malti.

Dwar Joseph Muscat, Robert Abela qal li kien jaf b’kollox imma ma kellux kumpanija, iddefendieh u ma ħax passi. Robert Abela kien l-avukat ta’ Joseph Muscat, ivvota favur Konrad Mizzi u kien ta l-fiduċja lil Joseph Muscat li żamm lil Konrad Mizzi. Issa Robert Abela qed jgħidilna li Muscat żbalja li żamm lil Konrad Mizzi.

F’xahar biss kien hemm 500 iktar jirreġistraw, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-gvern ma jiddeċidix l-affarijiet f’waqthom għaliex jipproteġi biss lil min hu maħmuġ. Hu staqsa meta se jkun il-waqt li l-kuntratt tal-Vitals jitwaqqaf biex ma jibqgħux jieħdu €90 miljun, li jeżamina u jippubblika l-kuntratt tal-Electrogas, min qed jieħu l-profitti minn fuq il-ħaddiem Malti u meta se jġib l-interessi tal-Maltin bl-interessi tal-barranin u tal-maħmuġin. Kull ġurnata l-poplu u s-setturi kollha tal-ekonomija jafu li qed iħallas minn butu għall-indeċiżjoni ta’ Robert Abela.

Il-PN qed iwiegħed li ma kull ġurnata nibqgħu ngħafsu fuq il-gvern biex irodd lura dak li seraq lill-poplu u li jintemmu l-kuntratti u li jaħdem u jispjega biex jiggarantixxi li PN fil-gvern jagħmel dak li m’għamilx dan il-gevrn bili jinvestiga l-kuntratti kollha li kien involut fihom Konrad Mizzi.