Internazzjonali

Tonqos it-tensjoni fil-peniżola Koreana

L-indikazzjonijiet mill-Korea ta’ Fuq komunista huma li r-reġim fi Pyongyang, fl-aħħar sigħat, issospenda l-pjani għal ‘azzjoni militari’ kontra l-Korea t’Isfel.

Dan minkejja li r-reġim ta’ Kim Jong-un, jiem ilu, kien żied ir-retorika rabbjuża dwar il-pjani ta’ attivisti fil-Korea t’Isfel biex imexxu l-messaġġi b’temiet kontra l-Korea ta’ Fuq  ‘lejn in-naħa l-oħra tal-fruntiera’.

Il-Korea ta’ Fuq, aktar kmieni fix-xahar, splodiet uffiċċju li kien qed iservi għall-kuntatti bejn l-Istati (Korej) rivali, fost it-theddid li tibgħat it-truppi komunisti lejn iz-zoni tal-fruntiera fil-peniżola komuni.

Iżda l-istampa ta’ Pyongyang issa rappurtat li, waqt laqgħa preseduta minn Kim Jong-in, it-Tmexxija fil-Korea komunista deċidiet biex tissospendi ‘l-azzjoni militari’ li x’aktarx kienet qed tħejji…. Jidher ukoll li dan seħħ wara li l-Kummissjoni Militari Ċentrali kkunsidrat ‘is-sitwazzjoni attwali’.

L-aħħar żviluppi jindikaw de-eskalazzjoni notevoli fit-tensjoni, wara li Ki Yo-jong, oħt Kim Jong-un li għandha influwenza politika kbira, kienet ħarġet ordnijiet lill-Armata komunista ‘biex twettaq l-azzjoni li jmiss b’mod deċiżiv’.