Lokali

11-il fatt fl-aħħar 11-il jum

Ġimagħtejn ta' taqlib enormi għall-Gvern u għall-Partit Laburista

1. Aktar xiehda xokkanti fil-Qorti

Kien it-Tnejn 15 ta’ Ġunju meta fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech xehed Johann Cremona, sieħeb f’negozju mal-istess Fenech.

Hu qal li f’Settembru tas-sena li għaddiet kien ċempillu l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri – ftit ġimgħat biss qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech fil-marina ta’ Portomaso – għaliex ma setax jaqbad lil Fenech u kien inkwetat.

Johann Cremona stqarr taħt ġurament li qatt ma tkellem dwar dak li kien jaf fuq l-assassinju “ħlief darba ma’ qassis”.

“Melvin dejjem kien jgħidli l-istess storja u jsemmi l-ismijiet ta’ Yorgen Fenech, Keith Schembri, Chris Cardona u David Gatt”

2. L-eks Kummissarju jinforma lill-Ġojja bir-recordings

Taħt ġurament, Edgar Brincat magħruf bħala “Il-Ġojja” jgħid illi kien Lawrence Cutajar li stqarr miegħu kif Theuma kien involut f’każ jaħraq. U jistqarr illi kien l-eks Kummissarju li semmielu r-recordings ta’ Melvin Theuma – u allura, infurmah bl-eżistenza ta’ dawn ir-recordings li kienu qed jinżammu mill-middleman.

Ritratt meħud mit-Times of Malta

3. Lawrence Cutajar jitpoġġa’ taħt investigazzjoni kriminali

L-eks Kummissarju tal-Pulizija tpoġġa’ taħt investigazzjoni kriminali wara li ġie żvelat li hu ddiskuta informazzjoni sensittiva ma’ terzi persuni dwar ir-recordings tal-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-15 ta’ Ġunju, lil Cutajar neħħewh mill-kunsulenza li kellu mal-Ministeru tal-Intern. U minn hawn, spiċċajna narawh kważi b’intervista kuljum!

“Kif tissospendili l-konsulenza?! Ħassejtni mweġġa'”, stqarr Cutajar fuq TVM.

4. Ir-riżenja ta’ Cardona minn Deputy Leader tal-Partit Laburista

Jumejn wara s-saga ta’ Lawrence Cutajar, kellna r-riżenja ta’ Chris Cardona li ukoll issemma’ f’dawn il-famużi recordings ta’ Melvin Theuma.

Ir-riżenja tal-eks Ministru minn Deputy Leader tal-Partit Laburista waslet permezz ta’ ittra li hu bagħat lis-Segretarja tal-Eżekuttiv fis-17 ta’ Ġunju.

Sal-lum, Cardona għadu ma lissinx kelma. U ħadd ma jaf ir-raġuni vera tar-riżenja.

5. Yorgen Fenech u r-rebħa tal-Partit Laburista

Fil-Qorti, ħareġ ċar li l-imprenditur Yorgen Fenech ta ordni biex imexxu bil-qtil ta’ Caruana Galizia eżatt wara r-rebħa laburista fl-elezzjoni ta’ Ġunju 2017.

6. Id-deal skandaluż tal-Montenegro

Fid-19 ta’ Ġunju, Reuters u t-Times of Malta jiżvelaw li mid-deal tal-Enemalta mal-Montenegro, biex inxtraw it-turbini tar-riħ f’dan il-pajjiż, Yorgen Fenech daħħal “profitti” ta’ €4.6 miljun f’17 Black.

Din l-istorja qatt ma ġiet miċħuda mill-Gvern. Konrad Mizzi u Joseph Muscat qalu biss li ma jafux li għaddew dawn il-flus. Robert Abela qal li “kien diżgustat bl-aħbar”.

7. Jinħatar Kummissarju tal-Pulizija ġdid

Kif kien mistenni fit-23 ta’ Ġunju, Angelo Gafà preżenta ruħu bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-Korp tal-Pulizija. Hu insista li fil-ħidma tiegħu mhu se jħares lejn wiċċ ħadd.

8. Konrad Mizzi jitkeċċa mill-Grupp Parlamentari

Wara li Net News żvela b’mod esklussiv li Abela sejjaħ laqgħa urġenti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, sa filgħaxija kienet ħarġet l-aħbar li Konrad Mizzi kien tkeċċa.

Meta sar id-deal tal-windfarms fil-Montenegro, Konrad Mizzi kien il-Ministru tal-Enerġija.

9. Id-deal qatt ma kien diskuss fil-Kabinett

Dakinhar stess li tkeċċa Konrad Mizzi, il-Ministru Michael Falzon qalilna li d-deal tat-turbini tar-riħ, li sewa lill-pajjiż €10 miljun, qatt ma ġie diskuss fil-livell tal-Kabinett.

10. Muscat kellu informazzjoni sensittiva

Fit-23 ta’ Ġunju, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li kellu informazzjoni sensittiva fuq in-negozjant Yorgen Fenech u li ġiegħel lill-id il-leminija tiegħu u eks Chief of Staff Keith Schembri sabiex iċempillu dakinhar li allegatament kien se jaħrab mill-marina ta’ Portomaso.

F’kummenti lit-Times, Muscat sostna li fil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 ta’ Novembru li ghadda, huwa ċempel lil Schembri u talbu biex jara li Fenech ma jaħrabx.

L-eks Mexxej Laburista stqarr li kien huwa stess li informa lill-Forzi Armati ta’ Malta b’dak li kien qiegħed jiġri.

11. L-elezzjoni fadlilha sentejn

F’kummenti barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun il-Prim Ministru Robert Abela qal li mhux se jkun hemm elezzjoni bikrija, u li l-elezzjoni fadlilha sentejn.