Coronavirus Lokali

3 każijiet ġodda ta’ Covid-19

Fl-aħħar sigħat saru ftit aktar minn elf test, u minnhom irriżultaw 3 każijiet ġodda ta’ Coronavirus, fl-aħħar sigħat ukoll irkupraw 3 persuni minn din l-imxija.

Fl-aġġornament fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Ministeru tas-Saħħa qal li t-3 każijiet tal-lum huma kollha sporadiċi.

L-ammont ta’ każi pożittivi issa tela’ għal 668, filwaqt li l-ammont ta’ persuni li fiequ tela’ għal 627. Il-każi attivi baqgħu 32.

Intant…filwaqt li mill-aspett ta’ saħħa jidher li n-numri qed jiġu kontrollati, xorta jibqa’ l-effett mil-lat ekonomiku – b’ħafna sidien ta’ negozji jgħidu li l-għajnuniet li ngħataw sa issa mhumiex biżejjed.

Imprendituri li tkellmu mal-ġurnal The Malta Business Observer qalu li fl-aħħar jiem in-negozju rpilja xi ftit, imma jinsab ħafna ‘l bogħod minn dak mixtieq.

Fost setturi partikolari li għadhom milquta b’mod negattiv hemm l-operaturi tal-cabs u l-iskejjel tal-Ingliż. Dan filwaqt li r-ristoranti qed jesperjenzaw ġranet bi ftit xogħol fost il-ġimgħa, minħabba li m’hawnx turisti.

L-ajruport internazzjonali ta’ Malta se jkun qed jiftaħ mill-ġdid mill-1 ta’ Lulju, meta uffiċjalment jitneħħa l-istat ta’ emerġenza medika.