Lokali

”Bil-Partit Nazzjonalista biss tista’ sseħħ ġustizzja” – David Agius

Bil-PN biss tista’ isseħħ ġustizzja…u nerġgħu lura għan-normalita’. Dikjarazzjoni li saret mill-Viċi Kap tal-PN David Agius fi tmiem l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Generali.

David Agius qal li l-għaqda hi l-forza li ssaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fil-PN; partit li tant għandu x’joffri lil pajjiżna. Il-Viċi Kap tal-PN semma’ kif dan l-istatut ġdid u storiku ….li hu frott ta’ diskussjonijiet u konsultazzjoni fit-tul ….qed juri kemm dan hu partit b’saħħtu. Statut li qed juri li b’mod konkret il-partit tassew qed jinfetah aktar.

David Agius wiegħed li l-PN se jibqa’ jippreżenta proposti ċari u konkreti filwaqt li jkun oppożizzjoni kostruttiva biex jippreżenta ruħu bħala Gvern alternattiv. Hu saħaq li l-PN għandu ruħ soċjali u li jaħdem għall-ġid komuni, jagħti widen għall-fehmiet ta’ kulħadd anki fejn jidħlu l-bidliet interni.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li dawn il-bidliet b’viżjoni fit-tul li qed jagħtu direzzjoni lejn fejn irridu nieħdu l-partit fid-deċenji li ġejjin. Hu saħaq li r-reazzjonijiet u r-rispons li rċieva l-partit kienu pożittivi ħafna. “Dan jimliena bil-kuraġġ biex inkomplu naħdmu f’din id-direzzjoni.”, kompla jgħid David Agius.

Meta kien qed jitkellem dwar l-istatut il-ġdid David Agius semma’ kif dan qed jagħmel il-PN aktar rilevanti għal żmienna. “Qed inroddu lura l-partit tagħna f’idejn in-nies biex huma jkollhom l-opportunità tad-deheb li jbiddluna. Dan l-istatut il-ġdid huwa sejħa għaż-żgħażagħ biex ikunu parteċipanti attivi u parti ewlenija minn din il-bidla li neħtieġu. Irriduhom iħeġġuna u jispirawna għax dan il-partit hu miftuħ għal kull min għandu għal qalbu l-ġid tal-Maltin u ta’ pajjiżna.”

Dan l-istatut qed jiżgura li fil-PN ikun hemm taħlita ta’ nies b’esperjenza flimkien ma’ oħrajn b’uċuħ ġodda. Statut li jħaddmu approċċ minn isfel għal fuq.

David Agius qal li dan l-istatut qed jiġi ppreżentat fi żmien meta l-PN riesaq lejn tisħiħ tal-finanzi fuq il-kunċett tal-ftit mingħand il-ħafna u għalhekk irringrazzja lil dawk kollha li kontinwament jagħtu s-sostenn finanzjarlu lill-PN. “B’tant sodisfazzjon din il-ħidma qed tagħti l-frott. Fil-viċin ħafna se naslu biex anki l-finanzi ta’ dan il-Partit jerġgħu lura fuq saqajhom.”, qal David Agius.

Il-Viċi Kap tal-PN semma’ kif minkejja r-riżorsi limitati, b’ħidma mal-esperti, mal-professjonisti u mas-sħab soċjali, il-PN qed kontinwament iressaq bosta proposti lin-nies f’kull qasam ħalli juri tassew li hu gvern alternattiv. “Irridu l-aqwa ideat. Irridu l-imħuħ fil-Partit tagħna biex noħolqu l-aħjar policies għal pajjiżna.”

David Agius stqarr li l-PN qed ikun Oppożizzjoni kostruttiva. “Dan ir-rwol qed naqduh b’lealtà sħiħa lejn il-poplu Malti biex ma nħallux lill-gvern ikompli jirrovina r-reputazzjoni tagħna, inawwar l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u jgħaddi minn fuqna bħal romblu. Ilna għaddejjin b’dil-ħidma snin sħaħ, u fl-aħħar Robert Abela kellu jagħtina raġun.”

Il-Viċi Kap tal-PN temm id-diskors tiegħu billi fakkar kif dan l-istatut ġdid jixhed li dan il-Partit għandu ġejjieni sabiħ u se jibqa’ l-vuċi għal Malta aħjar.