Lokali

B’vot unanimu; Statut ġdid li hu mistenni jiftaħ kapitlu storiku għall-PN

B’vot unanimu, il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista adotta Statut ġdid li hu mistenni jiftaħ kapitlu storiku ghall-PN – statut li jirrifletti kunsens wiesgħa dwar id-direzzjoni li n-nies tal-partit jinsistu li t-tmexxija għandha tmur lejha. Proċess li nieda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia matul is-Sajf li għadda u li nkariga lil Louis Galea biex imexxih

B’dan il-vot importanti, il-Partit Nazzjonalista

  • Afferma li hu partit tan-nies b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu u li jaħdem b’risq id-dinjità umana.
  • Li jħaddan stqarrija ċara ta’ viżjoni inklussiva u twemmin mibni fuq valuri li magħhom jistgħu jidentifikaw il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
  • B’dan l-istatut, il-PN assigura governanza ta’ partit mibni bi strutturi li jesiġu d-djalogu, l-ħidma f’tim, l-etika u d-dixxiplina, l-organizzazzjoni, komunikazzjoni u l-attiviżmu, f’qafas ta’ ‘checks and balances’ …u bil-President tal-Kunsill Ġenerali mgħobbi li “jkun il-gwardjan tal-governanza tajba tal-istrutturi kollha tal-Partit”.
  • L-istatut issa qed joħloq saff ġdid ta’ organizzazzjoni fil-livell reġjonali bis-saħħa ta’ ħames Kumitati Reġjonali. U l-fergħat tal-partit issa ser jiġu koordinati f’Forum ġdid.
  • Qed jifred it-tmexxija politika tal-partit mit-tmexxija tal-entitajiet kummerċjali.
  • U jimmodifika l-irwol tas-Segretarju Ġenerali b’fokus fuq il-ħidma politika, filwaqt li qed jinħolqu żewġ karigi ġodda – il-President għal Riċerka Politika u l-President għal Djalogu Soċjali u outreach.
  • Apparti dan….l-istatut iwaqqaf Kumitat tat-Tmexxija li jfassal l-istrateġija politika tal-Partit u jassigura l-implimentazzjoni tagħha.
  • U joħloq tliet Kummissjoni Kandidati, b) Kummissajoni Etika u Dixxiplina u c) Kummissjoni Elettorali u Data

Il-Kelliema kollha li tkellmu matul din l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali faħħru ix-xogħol li għamlu kemm l-Eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli kif ukoll is-Segretarju Ġenerali attwali Francis Zammit Dimech

Fis-sessjoni tal-Ħamis, ġew preżentati u adottati numru ta’ emendi kif ukoll ġie votat l-Statut il-ġdid li jinkludi dawn it-tibdiliet importanti. Il-Kunsill Ġenerali ser ikompli jiltaqa’ nhar il-Ħadd li ġej fid-9am, u jaghlaq bid-diskors tal-Kap tal-PN Adrian Delia.