Internazzjonali

COVID-19: L-Awstralja tibgħat il-militar lejn l-Istat ta’ Victoria fost l-ispinta tal-infezzjonijiet

L-awtoritajiet fl-Awstralja bagħtu mill-anqas 1,000 membru tal-Armata lejn l-Istat ta’ Victoria, fejn, fl-aħħar jiem, kienet irrappurtata spinta ġdida tal-infezzjonijiet mill-Covid-19.

Dan meta fil-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis kienu konfermati 33 każi ġodda tal- infezzjoni fl-istess Stat, li jinsab lejn ix-xlokk tal-Awstralja.

Ir-rapporti qed jgħidu li l-belt ta’ Melbourne – il-kapitali tal-Istat ta’ Victoria – ilha l-ġimgħat stabbilita bħala l-unika sors għal ‘trasmissjonijiet tal-virus qalb il-komunità’ f’dan il-pajjiż.

Sallum, l-Awstralja kienet imfaħħra bħala ‘eżempju għad-dinja’ fil-mod kif hi rażżnet il-firxa tal-coronavirus – bl-awtoritajiet lokali ma jitilfux iż-żmien biex jimplimentaw il-miżuri tal-lockdown fid-diversi Stati.

Fl-istess ħin, l-Awstralja rappurtat ftit aktar minn 7,400 infezzjoni bil-Covid-19 u 104 mewta relatata – biċ-ċifri qed ikunu meqjusa bħala ferm anqas gravi minn ta’ pajjiżi oħra li jistgħu jipparagunaw mal-Awstralja f’termini ta’ daqs u popolazzjoni.

Intant, ‘l-introduzzjoni’ tal-Armata biex tgħin lill-awtoritajiet ta’ Victoria biex irażżnu l-firxa tal-infezzjonijiet f’dan l-Istat ma tidhirx li għandha preċedent fl-istorja. Dan meta ‘l-għajnejn kollha’, bħalissa, jinsabu fuq Melbourne u Victoria li hi t-tieni l-akbar Stat Awstraljan f’termini ta’ popolazzjoni.

Fl-aħħar sigħat, ‘il fuq minn 1,300 uffiċjal kienu qed iduru qalb is-sobborgi ta’ Melbourne – li wħud huma meqjusa bħala hotspots tal-virus – biex jimplimentaw programmi ta’ testijiet intensivi.

Il-programmi qed jibbażaw ukoll fuq id-drive-thru centres, fejn is-sewwieqa tal-karozzi jistgħu jkunu suġġetti għal testijiet ‘fuq il-post’ u  li jindikaw hekk huma setgħux spiċċaw infettati.

Il-Prim Ministru ta’ Victoria, Daniel Andrews, spjega li l-awtoritajiet għażlu li jibdew kampanja ‘pro-attiva’ aktar milli joqgħodu jistennew għal ċifri li potenzjalment juru każi fejn l-infezzjoni tkun laħqet infirxet sew u b’mod insostenibbli qalb il-komunità.

B’hekk ukoll, il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa litteralment qegħdin iduru bieb bieb fl-Istat ta’ Victoria u fejn qegħdin iwasslu l-faċilitajiet għat-testijiet ‘fuq l-għatba tal-familji u l-individwi’. Dan meta l-awtoritajiet tas-saħħa qed jittamaw li jittestjaw sa 100,000 ruħ f’perjodu ta’ għaxart ijiem.

Fl-istess ħin, il-Gvern ta’ Victoria daħħal mill-ġdid ir-restrizzjonijiet aktar iebsa għall-membri tas-soċjetà minħabba t-theddida tal-Covid-19 – minbarra li estenda l-istat ta’ emerġenza sat-12 ta’ Lulju.