Lokali

Edward Scicluna m’għamel xejn biex jipproteġi lill-poplu quddiem it-test tal-Moneyval

Filwaqt li l-Gvern Laburista qiegħed ta’ kuljum jegħreq fil-korruzzjoni, pajjiżna riesaq lejn kriżi ekonomika minħabba l-impatt tal-COVID-19. Ma’ din l-isfida, pajjiżna qed jaffaċċja theddiha gravi li ġab b’idejh il-Gvern stess. Dan hekk kif jidher li pajjiżna se jfalli it-test tal-Moneyval. Dan qalu rappreżentant tal-Ambaxxata Amerikana f’pajjiżna, li wissa li jekk dan iseħħ se jwassal għal effetti diżastrużi għal pajjiżna.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, il-Partit Nazzjonalista qat li l-Gvern minkejja l-gravità ta’ din id-dikjarazzjoni għażel is-silenzju. Il-Ministru Edward Scicluna li m’għamel xejn biex iwaqqaf it-tnawwir tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u biex jipproteġi lill-poplu Malti minn min kien qed jisirqu issa jinstab ċass quddiem din l-isfida. Fi kliem ieħor dan il-falliment ta’ Gvern Laburista jfisser li l-poplu se jkollu jħallas qares għal ħsara fir-reputazzjoni kkawżata mill-esponenti ewlenin tal-Gvern ta’ Muscat u Abela. Il-Professur Scicluna kien pern fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti skandalużi li huma ta’ dannu serju għal pajjiżna. L-inqas ħaġa li wieħed jistenna hu li l-Ministru Scicluna jerfa’ r-responsabbilta’ politika tiegħu.