Coronavirus Internazzjonali

Fir-Renju Unit se jissoktaw it-testijiet għall-vaċċin

Madwar 300 voluntier se jipparteċipaw f’numru ta’ testijiet li se jsiru fir-Renju Unit biex jinstab vaċċin kontra l-imxija tal-Coronavirus.

Dawn it-testijiet għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin u se jkunu tkomplija ta’ dak li diġà sar fl-aħħar ġimgħat, madanakollu t-testijiet imħabbra se jkunu aktar intensivi.

Riċerkaturi mill-Università ta’ Oxford qalu li s’issa mill-istudju li sar kien hemm rispons tajjeb, hekk kif diġà saru xi testijiet fuq l-annimali.

Bħalissa minn madwar id-dinja hemm madwar 120 programm ta’ testijiet li diġà bdew, b’tama li jinstab vaċċin sal-aħħar ta’ din is-sena.

Ir-riċerkaturi f’Oxford infatti qed jittamaw li dan il-vaċċin ikun lest u disponibbli għall-poplu Brittaniku, filwaqt li jittamaw li sal-bidu tas-sena d-dieħla, il-produzzjoni ta’ dan il-vaċċin tasal għand il-pajjiżi kollha tad-dinja.