Futbol Sport

Ħamrun Spartans jilħqu ftehim għal Juan Corbalan

(Ritratt: Trevor Sollars)

Ħamrun Spartans mistennija jagħmlu l-ewwel akkwist importanti ta’ plejer Malti hekk kif laħqu ftehim ma’ Gżira United biex jakkwistaw liż-żagħżugħ Juan Corbalan. Fil-ġimgħat li għaddew, fost l-aqwa timijiet kienu interessati fil-plejer li kapaċi jilgħab bħala difensur fuq il-lemin u midfielder u anki fuq in-naħa xellugija.

Wara li lagħab ma’ Floriana u Balzan u anki ftit xhur ma’ Virtus Lanciano fil-livell taż-żgħażagħ, Corbalan ingħaqad ma’ Gżira United fis-sajf tal-2016 fl-età ta’ 19-il sena. Fl-erba’ staġuni ma’ Gżira, Corbalan lagħab taħt Branko Nisevic, Darren Abdilla, Jesmond Zerafa, Giovanni Tedesco u Paul Zammit u maż-żmien sar plejer importanti. Il-prestazzjonijiet tiegħu wasslu biex anki ġibed l-attenzjoni tal-kowċ nazzjonali ta’ dak iż-żmien Ray ‘Żażu’ Farrugia. Mat-tim nazzjonali lagħab sa issa 11-il logħba u skorja gowl.