Lokali Saħħa

Ħidma kontra l-abbuż tad-droga

Sfortunatament illum il-ġurnata qed ngħixu f’soċjetà fejn fost iż-żgħażagħ l-abbuż mid-droga sar kważi moda.

Għalhekk l-isfidi f’dan il-qasam qed ikomplu jikbru filwaqt li l-problemi iktar ma jgħaddi ż-żmien, qed jinbidlu. Fid-dawl ta’ dan kollu huwa importanti li tkompli tissaħħaħ l-għajnuna li tingħata lil dawn il-persuni.

Dalgħodu l-Ministru Michael Falzon għamel żjara fiċ-ċentru tad-Detox f’Tal-Pieta fl-okkażjoni tal-ġurnata internazzjonali kontra l-abbuż tad-droga u l-abbuż illeċitu …li se tkun imfakkra l-Ġimgħa. Ġurnata li fiha tkun iċċċelebrata l-ħidma tan-nies li jaħdmu f’dan il-qasam tant delikat.

Ta’ kuljum, madwar 700 persuna tagħmel użu mis-servizz li jagħti dan iċ-ċentru.  Servizz li fost l-oħrajn jikkonsisti fl-għajnuna li tingħata li dawk li jkunu sfaw vittma ta’ diversi vizzji ….fosthom il-vizzju tad-droga. Tliet kwarti minn dawk li jagħmlu użu mis-servizzi li jingħataw huma rġiel. Iżda, minkejja dan, fi ħdan id-Detox hemm ukoll unit speċifiku li jitratta l-problemi tan-nisa.

Mir-Rapport Annwali li sar mill-Aġenzija Sedqa ħareġ li matul l-2019, kien hemm madwar elf persuna li għamlet kuntatt tal-anqas għal darba waħda ma’ din l-Aġenzija. U matul is-sena li għaddiet, fid-Detox ngħataw iktar minn 13,000 litru ta’ metadone.

Is-sitwazzjoni tal-coronavirus ġabet sfidi ġodda għal dan iċ-ċentru hekk kif matul il-pademija xorta kellhom jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom sabiex jibqgħu jassistu lil dawn in-nies – hidma importanti li ssir minn diversi tobba, infermiera, psikjatri, social workers u professjonisti oħra li jaħdmu qatigħ sabiex jgħinu lil dawn il-vittmi.