Ambjent Lokali

Il-Gvern jirċievi 16-il offerta għall-proġett tal-inċineratur

Dan il-pjan tal-Gvern diġa' ħoloq kontroversja kbira

WasteServ ħabbret li l-Gvern irċieva 16-il offerta għall-proġett tal-inċineratur u sussegwentament it-tkabbir tal-miżbla tal-Magħtab.

Kull offerta issa ser tiġi evalwata u l-aħjar tlett kumpaniji / konsorzji ser jiġu magħżula sabiex jidħlu għall-fażi li jmiss.

Il-Ministeru għall-Ambjent qed isejjaħ dan il-proġett ‘Waste to Energy’ hekk kif il-pjan hu li l-iskart jinħaraq u minnu toħroġ l-enerġija.

Minbarra dan l-impjant, it-tkabbir tal-miżbla se jikkonsisti f’impjanti oħra, bħall-impjant ta’ trattament tal-iskart organiku li ser ikun qed jipproduċi kompost agrikolu, kif ukoll impjant b’faċilità tal-irkupru ta’ materjal riċiklabbli.

Dan il-pjan tal-Gvern ħoloq kontroversja kbira fejn saħansittra seħħet dimostrazzjoni minn numru ta’ bdiewa biex ma jittiħdux aktar għelieqi biex isir dan l-iżvilupp. Fl-aħħar ġimgħat il-Gvern naqqas l-ammont ta’ art li kien se jieħu iżda l-Bdiewa s’issa xorta għadhom ma qablux.

Ritratt: Matthew Tabone

Fl-istess perjodu, Net News kien żvela li l-iskart li l-famliji Maltin kienu qed jisseparaw fi djarhom kien qed jiġi mħallat. Il-Ministru Aaron Farrugia kien ammetta ma’ Net News li l-iskart kollu ta’ pajjiżna kien qed jitħallat u qal li l-Gvern se jkollu pjan sal-aħħar tas-sena 2020. Jidher li parti minn dan il-pjan hu l-inċineratur.

Ritratt: Matthew Tabone

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar kien nieda petizzjoni kontra t-tkabbir eċċessiv tal-miżbla tal-Magħtab li kienet iffirmata minn eluf ta’ residenti fiż-żona. Din il-petizzjoni ġiet preżentata b’mod ufficjali fil-Parlament iżda jidher li l-Gvern xorta ser ikompli b’dan il-proġett li primarjament tħejja mingħajr ebda konsultazzjoni mal-istakeholders kollha.