Internazzjonali

Il-WHO allarmata dwar l-inċidenzi ġodda u ‘sinifikattivi’ tal-coronavirus fl-Ewropa

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-Ewropa  qed terġa tara żieda preokkupanti fl-infezzjonijiet bil-Covid-19 li qed ikunu kalkulati minn ġimgħa għall-oħra.

L-iżvilupp qed ikun innutat waqt li l-pajjiżi qegħdin inaqqsu r-restrizzjonijiet li jevitaw il-firxa tal-coronavirus – b’Hans Henri Kluge, id-Direttur Reġjonali tal-WHO, isostni li ħdax-il pajjiż, li ma kenux identifikati, raw rata ta’ trasmissjoni aċċellerata u li produċiet inċidenzi ġodda u ‘ferm sinifikattivi’ ta’ infezzjoni.

Kluge qal li t-twissijiet preċedenti dwar is-sogri li l-coronavirus ifeġġ mill-ġdid ‘issa saru realtà’ u jekk il-pajjiżi ma jwieġbux għall-iżviluppi, huma jistgħu jaslu sal-punt fejn is-sistemi tas-saħħa ma jifilħux ilaħħqu mal-każi.

‘Il fuq minn 2.6 miljun każ tal-Covid-19 – u 195,000 mewta – kienu rappurtati fir-reġjun tal-Ewropa segwit mill-WHO li jkopri 54 Stat u seba’ territorji b’konnessjonijiet ma’ dan il-kontinent, il-Lvant Nofsani u l-Asja Ċentrali.

Intant, qed ikunu reġistrati kważi 20,000 każi ġodda tal-Covid-19 – u 700 mewta relatata – kuljum fl-Ewropa, meta l-pajjiżi qegħdin ‘jirrifurmaw il-miżuri u s-sistemi għar-restrizzjonijiet’.

Filwaqt li madwar 30 pajjiż Ewropew, fl-aħħar ġimgħatejn, raw iż-żidiet fil-każi ġodda u kumulattivi tal-infezzjoni, ħdax minn dawn il-pajjiżi, fi kliem Kluge, issa għaddejjin minn spinta preokkupanti ta’ każi ġodda u fejn ir-rata tat-trasmissjoni saret aktar mgħaġġla.

Hans Henri Kluge qal li pajjiżi bħall-Polonja, il-Ġermanja, Spanja u Iżrael wieġbu mingħajr telf ta’ żmien għall-inċidenzi ta’ infezzjoni perikolużi assoċjati mal-iskejjel, il-minjieri u siti għall-produzzjoni tal-ikel – bis-sitwazzjonijiet jinġiebu taħt kontroll bis-sistemi għal intervent rapidu.

Minkejja t-twissijiet, il-WHO qed tistenna li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 ‘tikkalma’ fil-maġġoranza tal-pajjiżi matul ix-xhur tas-sajf.

Madankollu, l-Organizzazzjoni sostniet li l-pajjiżi jeħtieġu jħejju għall-ħarifa, meta l-Covid-19 jista’ iħalli mill-ġdid l-effetti tiegħu, l-istess bħall-influwenza staġjonali u mard ieħor. Dan meta l-virus għadu qed jiċċirkula qalb il-komunitajiet, bil-pajjiżi għadhom qed jistennew għal vaċċin effettiv.