Lokali

Illum jiftaħ Kunsill Ġenerali storiku tal-PN

Kunsill Ġenerali li se jaġġorna u jimmodernizza lill-PN

Illejla l-Partit Nazzjonalista jibda jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali f’mument storiku u mill-aktar importanti li fih se jiddiskuti u jaġġorna l-istatut tiegħu. Permezz ta’ dan il-Kunsill Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista mhux biss se jkun qed jaġġorna l-mod kif jaħdem u jiffunzjona, iżda jkun qed jagħmel qabża lejn dak li s-soċjetà tistenna minnu fiż-żminijiet tal-lum.

Il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jitlaqqa’ wara proċess ta’ konsultazzjoni, diskussjoni u djalogu ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-ġid tal-Partit Nazzjonalista, kemm dawk li huma diġà fl-istrutturi tiegħu, u anki ma’ dawk li huma barra l-Partit. Dan il-proċess tmexxa minn Louis Galea fuq inkarigu li kien tah il-Kap tal-PN Adrian Delia.

Dan hu Kunsill Ġenerali storiku fejn il-parteċipazzjoni hi ferm importanti biex hekk issir din il-qabża ta’ kwalità li għandha twassal biex il-Partit Nazzjonalista jkun jirrifletti dak li għaddejja minnu mhux biss is-soċjetà Maltija, iżda anki f’dinja fejn l-iżviluppi u l-isfidi huma kontinwi.

Ċensu Galea, il-President tal-Kunsill Ġenerali, f’artiklu fuq In-Nazzjon tal-lum appella biex naraw li mill-ħin li jiġi approvat l-istatut il-ġdid, il-Partit Nazzjonalista jibda jħaddmu minnufih fl-interess tal-Partit għax b’hekk inkunu qed inħaddmuh fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

B’ħarsitna ’l quddiem

Intant fl-artiklu tiegħu, Ċensu Galea qal li l-ebda partit politiku ma jista’ jinsa l-istorja tiegħu. Fl-istess ħin, biex l-istess partit jibqa’ jwassal il-messaġġ tiegħu b’mod ċar, li jinftiehem, u li jiġi apprezzat min-nies, irid ikollu għodda b’saħħitha biex il-messagg ikun jista’ jitwassal bl-aħjar mod possibli, u għand l-ikbar numru ta’ nies possibbli.

Din mhijiex sfida żgħira. Hi waħda kbira ħafna. U l-isfida tkun ikbar meta partit ikun fl-oppożizzjoni. Partit fl-oppożizzjoni dejjem għandu d-diffikultà ta’ kif iwassal il-messaġġ tiegħu. Irid jipprova jispjega li dak li qed jipproponi hu iktar relevanti u b’saħħtu għall-ħtiġiet tan-nies. Il-messaġġ irid ikun tali li kapaċi jikkonvinċi lil min jista’ jkun xettiku għall-proposti li jkunu qed isiru minn partit fl-oppożizzjoni. Irid ikun hemm messaġġi ċari u sempliċi.

Galea qal li hu dejjem diffiċli li tħajjar lin-nies jersqu lejk meta tkun minn taħt. Hu dejjem iktar diffiċli li tħajjar lin-nies jagħmlu dan meta l-Gvern tal-ġurnata jkun rebaħ b’maġġoranza qawwija fl-elezzjoni ta’ qabel. Niftakru li llum ma fadal l-ebda mod ta’ kif tkejjel b’mod formali l-burdata tan-nies, għaliex l-elezzjonijiet lokali m’għadhomx isiru fi snin differenti, u għalhekk l-uniku qies li hemm hu dak marbut mal-elezzjonijiet ġenerali u dawk tal-Parlament Ewropew, li magħhom ikollhom ukoll l-elezzjonijiet lokali.

Dan iġib miegħu sfidi akbar

Kien proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ifassal statut ġdid. L-istatut mhux se jkun riżultat ta’ xi laqgħa mgħaġġla mgħaġġla, fejn xi ħadd impona l-opinjoni tiegħu. Għall-kuntrarju dan l-istatut se jkun riżultat ta’ numru kbir ta’ laqgħat li saru matul l-aħħar sena. Kif Louis Galea ngħata l-inkarigu li jfassal ir-riforma meħtieġa, beda jiltaqa’ ma’ dawk kollha li huma kunsilliera tal-Partit. Iltaqa’ wkoll ma’ persuni li għalkemm mhumiex kunsilliera tal-Partit xtaqu li jwasslu l-kummenti u l-proposti tagħhom. Wara li sar dan, tfasslu l-proposti tat-tiġdid li nħass li kellhom isiru. Imbagħad għamilna ħames laqgħat reġjonali, waħda Għawdex u erbgħa Malta, fejn kulmin ried jagħti sehmu seta’ jiġi u jiddiskuti u jipproponi l-opinjonijiet tiegħu. 

Fost l-oħrajn Ċensu Galea qal li l-Kunsilliera kienu parteċipi bis-sħiħ fid-djalogu. Ħames laqgħat li fihom, b’mod matur, kulmin għandu għal qalbu l-Partit Nazzjonalista seta’ jipproponi, jopponi, jiddiskuti u jqanqal is-suġġetti kollha li ried iqanqal. Fejn ma qbilniex mill-ewwel komplejna niddiskutu sakemm konna f’pożizzjoni li kulħadd seta’ jagħraf is-serjetà li biha konna qed immexxu l-proposti li kellna quddiemna. Inħossni kburi li stajt immexxi dawk il-laqgħat. Inħossni kburi li stajt nidderieġi d-diskussjoni lejn konklużjonijiet pożittivi.

Minħabba dak li ġara fil-qasam tas-saħħa ma stajniex ngħaddu għall-aħħar fażi tad-diskussjoni u approvazzjoni tal-bidliet li kellna quddiemna.

Iżda hekk kif dan sar possibbli komplejna minn fejn konna wasalna. 

Wara żewġ laqgħat twal tal-Eżekuttiv

Fit-12 u t-13 ta’ Ġunju ltaqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit. Hemm, għal darba oħra stajna naraw is-serjetà li biha mexa l-Partit Nazzjonalista biex jasal għat-tibdil li ħassejna li kellna bżonn. Żewġ laqgħat twal tal-Eżekuttiv tal-Partit li fihom erġajna ddiskutejna dak kollu li l-membri xtaqu jiddiskutu. Tressqu proposti biex inkunu iktar relevanti, u għal darb’oħra wettaqna xi bidliet. 

Illum, il-kunsilliera kollha tal-partit għandhom f’idejhom kopja tal-istatut kif propost. Kulmin kellu xi diffikultà kellu l-opportunità li jiltaqa’ miegħi u ma’ Louis Galea, biex niċċaraw xi punti li jista’ jkun hemm. Jista’ wkoll ikun hemm emendi formali, għalkemm l-abbozz li għandna quddiemna hu riżultat ta’ diskussjonijiet fit-tul.

Proprju llum, il-Ħamis 25 ta’ Ġunju se nibdew il-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali. Fiċ-ċirkostanzi tal-lum anki l-organizzazzjoni nnifisha hi sfida. Sibna l-mod ta’ kif il-kunsilliera se jkunu qed isegwu kemm minn Malta kif ukoll minn Għawdex. Sibna l-mod ta’ kif inkunu nistgħu niddiskutu, u nivvutaw. Nivvutaw u niddeċiedu.

Wara l-approvazzjoni tal-istatut se nkunu qed inġeddu l-kumitati tal-Partit, il-fergħat tiegħu u l-istrutturi kollha li se jistabbilixxi l-Kunsill Ġenerali.

L-istatut waħdu mhux biżżejjed

Madankollu, l-istatut waħdu mhux biżżejjed. Biex naslu għar-riżultati mixtieqa rridu nassiguraw li kulħadd jagħti sehmu sew. Il-Partit se jkollu għodda b’saħħitha. Wara r-riformi fl-istrutturi rridu nassiguraw li din l-għodda ġdida tintuża b’mod b’saħħtu. Għandna sfida kbira ġejja minn Gvern li mhux se jiskrupla juża kull mezz possibbli biex ikun jista’ jibqa’ fil-poter.

Il-lezzjonijiet tal-aħħar snin għandhom jibqgħu quddiemna f’kull pass li se nkunu qed inwettqu. Nafu li l-messaġġ tagħna jrid ikun b’saħħtu ħafna biex jasal fejn nixtiquh – għand in-nies. Ma nistgħux naħsbu li l-messaġġ se jasal waħdu. Il-messaġġ irridu nimbuttawh, u nwassluh b’mod semplici li jinftiehem minn kulħadd.

M’għandniex żmien twil biex inwettqu dan kollu.

Huwa għalaq billi qal li bħala Partit li mill-ħin li jkun approvat l-istatut il-ġdid, dan jibda jitħaddem, fl-interess mhux biss tal-PN iżda tal-poplu Malti u Għawdxi.