Internazzjonali

Ir-Russja: Vot għal riformi li jistgħu jaraw lil Putin imexxi sal-2036

Iċ-ċittadini Russi bdew jivvutaw dwar ir-riformi Kostituzzjonali li kapaċi jippermettu biex il-President tar-Russja, Vladimir Putin, iservi żewġ mandati oħra bħala l-mexxej tal-pajjiż, ladarba jiskadilu t-terminu attwali.

Filwaqt li l-vot uffiċjali hu skedat għall-Ewwel ta’ Lulju, l-awtoritajiet qalu li qegħdin jiftħu l-postijiet tal-votazzjoni ġimgħa qabel, bil-għan li jevitaw l-iffullar żejjed tan-nies waqt il-kriżi tal-Covid-19.

Intant, Alexei Navalny, wieħed mill-akbar protagonisti tal-Oppożizzjoni Russa, qal li l-tibdil li għandu jsir lill-Kostituzzjoni se jippermetti biex Vladimir Putin isir il-President tar-Russja għal għomru. Dan waqt li Putin qed jirribatti li r-riformi fil-Kostituzzjoni se jaċċertaw l-istabbilità ta’ pajjiżu.

Għalkemm il-President ma ħabbarx uffiċjalment li se jerġa’ jikkuntesta għall-Presidenza fl-2024 ( meta jispiċċalu l-mandat preżenti) hu qed jenfasizza l-importanza li jkollu din l-għażla. Hu qed jgħid li jekk ir-Russja ma jkollhiex tmexxija stabbli, f’kull livell tal-Istat, fis-snin li ġejjin, ‘l-attenzjoni taqa’ kollha fuq it-tfittxija għal suċċessur potenzjali (ta’ Putin) fil-Presidenza’.

Ir-riformi pjanati jillimitaw it-tmexxija (futura) ta’ President għal żewġ termini ta’ sitt snin kull wieħed bħala total, bil-proċess jinbidel b’mod li jħalli lil Putin ikompli fil-poter wara l-2024. Waqt li r-riformi kapaċi jfissru li Putin jista’ imexxi lir-Russja sal-2036, il-President, f’dan il-każ, anki jkollu l-poter biex jinnomina lill-imħallfin u prosekuturi ewlenin għall-approvazzjoni tal-kamra ta’ fuq tal-Parlament.

Mal-110-il miljun votant – minn Kaliningrad sal-kosta tal-Baltiċi u Kamchatka, fir-reġjun tal-Paċifiku – huma eliġibbli għal sehem f’dan il-vot, meta l-uffiċjali fil-Kremlin ( ta’ Moska) qed jittamaw f’konkorrenza kbira ta’ votanti.

Intant, in-nies li għandhom passaport Russu u li huma residenti fl-inħawi kontrollati mis-separatisti lejn il-Lvant tal-Ukrajna wkoll qed ikunu permessi li jieħdu sehem fil-vot dwar ir-riformi għall-Kostituzzjoni.