Futbol Sport

It-tim Malti ta’ taħt il-21 sena se jilgħab is-sitt logħbiet li fadal minn Grupp 8 bejn Settembru u Novembru

Il-logħbiet tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena kontra l-Ukrajna u l-Finlandja li ġew posposti f’Marzu li għadda minħabba l-Covid-19, ġew skedati għal Novembru. Dan hekk kif il-UEFA ppubblikat l-iskeda l-ġdida tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena.

Iż-żgħażagħ se jkomplu l-impenji minn Grupp 8 kontra l-Irlanda ta’ Fuq fl-4 ta’ Settembru u kontra r-Rumanija erbat ijiem wara f’pajjiżna. F’Ottubru, Malta tilgħab kontra d-Danimarka u r-Rumanija u biż-żewġ logħbiet skedati għal Novembru, Malta se tkun qed tilgħab l-aħħar logħbiet f’pajjiżna.

Sa issa, it-tim immexxi minn Silvio Vella kiseb punt minn erba’ logħbiet. Iż-żgħażagħ Maltin kisbu draw ta’ 0-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq fl-ewwel impenn qabel telfiet ta’ 4-0 kontra l-Ukrajna u l-Finlandja kif ukoll telfa ta’ 5-1 kontra d-Danimarka, bl-erba’ partiti ntlagħbu barra minn Malta.

Il-logħbiet li fadal tat-tim Malti minn Grupp 8

4 ta’ Settembru    Malta v Irlanda ta’ Fuq

8 ta’ Settembru    Malta v Rumanija

9 ta’ Ottubru        Malta v Danimarka

13 ta’ Ottubru      Rumanija v Malta

13 ta’ Novembru  Malta v Ukrajna

17 ta’ Novembru  Malta v Finlandja