Lokali Parlament

Jeħtieġ soluzzjonijiet għal diversi problemi f’Ħal Qormi

Clyde Puli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Pulì qal li fl-aħħar seba’ snin Ħal Qormi kien mitluq, intelaq, traskurat u injorat;  u bir-raġun li l-komunità tħossha mwarrba għax qabel l-2013 il-Qriema kienu raw Gvern Nazzjonalista  jibni żewġ skejjel sekondarji ġodda f’Tal-Handaq filwaqt li sebbaħ u żied il-faċiliatjiet sportivi tal-iskejjel primarji, child care centre ġdid, pitch tal-boċċi, klabb tal-hockey, outdoor sports  fitness centre u ġab il-flus u fassal il-proġett tal-wied li solva ħafna mill-problemi tal-għargħar.

Il-problema llum hi mhux biss li ma sar xejn f’Ħal Qormi iżda wkoll li l-lokal u dawn il-proġetti qed jintelqu. F’Ħal Qormi kellu jsir sports complex f’Tal-Ħandaq iżda dan il-proġett tħalla fuq l-ixkaffa għal seba’ snin; kellu jitkompla wkoll l-out door and fitness park iżda llum l-art għadha mitluqa u spiss il-post jispicca mkisser bil-vandaliżmu. Hu qal li l-gvern tal-ġurnata ħa l-bini tat-toroq minn idejn il-kunsilli biex issa Ħal Qormi jmissu biss nofs tużżana toroq bit-tramac meta taħt maġġoranza Nazzjonalista fil-kunsill lokali u fi żmienu bħala Sindku saru 50 triq bit-tarmac li issa ilhom li saru 20 sena.

Clyde Puli qal li t-telqa tidher mill-ewwel mid-daħla ta’ Ħal Qormi fejn ftit ilu ir-round about ċkienet minħabba xogħol ta’ twessiegħ ta’ triq li kellu bżonn isir imma t- tkissir li sar biex isir ix-xogħol hdejn il-monument ta’ Pinto inkluz l-pjanti sbieħ f’forma tal-kliem Merħba- Citta’ Pinto’ tħallew mitluqa ghal iktar minn sena u għadhom sal-lum mhux irranġati. Kull meta tistaqsi dwar dan id-dewmien il-gvern ma jweġibx.

Id-deputat Clyde Puli tkellem ukoll dwar  problema ta’ saħħa u sigurtà li qed jikkawżaw pavimentar li sar ftit ilu ħdejn il-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan bejn Triq San Bastjan u Triq San Bartilmew. Huwa qal li llum qed isiru ħafna inċidenti fuqu minħabba li l-karozzi qed jiskidjaw. Dan anki meta l-vetturi jkunu qed isiqu b’veloċità baxxa. Dan qed joħloq periklu għan-nies u s-sewwieqa. Hu staqsa x’inhuma l-istandards li qed jintużaw iżda s’issa l-gvern ma’ weġibx.

Huwa semma wkoll kif talba għal sleeping policeman fi Triq il-Vitorja hdejn il-momument tat-tabib George Hyzler kienet rifjutata izda umbagħad saru sleeeping policemen fil-wied li tant huma kbar li diffiċli biex vettura normali tgħaddi  minn fuqhom

Clyde Puli lmenta minn problema kbira ta’ traffiku u ta’ parkeġġ f’Hal Qormi. Hu staqsa x’inhu l-pjan tal-gvern għal Ħal Qormi; hemm xi tip ta’ master plan? Huwa qal li Ħal Qormi matul is-snin kien segmentat b’diversi bypasses jgħaddu minn nofsu u issa biz-żieda qawwija ta’ traffiku fl-aħħar snin il-problema qed ddejjaq ħafna aktar lill-Qriema. Huwa tkellem fuq il-bżonn ta’ pjan biex jgħaqqad il-bypass ta’ Mdina Road u ta’ Triq is-Sebħ flimkien biex Ħal Qormi ma jibqax passaġġ kif inhu.  

Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn immedjat ta’ soluzzjonijiet ta’ parkeġġ għaliex is-sitwazzjoni f’Ħal Qormi kull ma jmur qed tiggrava. Huwa qal li l-problema qiegħda ma Ħal Qormi kollu imma semma b’mod partikolari toroq bhal Triq il-Vitorja, San Bastjan, Triq il-Kbira u Triq Anici u Triq San Bartilmew. Hu qal li ilhom isiru wisq wegħdi ta’ soluzzjonijiet għal parkeġġ u appella biex tittieħed azzjoni għaliex il-Qriema jixirqilhom aħjar.