Lokali

Jiftaħ il-Kunsill Ġenerali storiku tal-PN

Il-Kunsill Ġenerali jintemm nhar il-Ħadd bl-aħħar sessjoni li tibda fid-9am

F’diskors li għamel Louis Galea, stqarr kif f’din is-sena huwa iltaqa’ ma’ nies li huma b’qalbhom miġgħuha minħabba l-istat li tinsab fih Malta u li jridu li l-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi li ninsabu fiha. Biċċa sew mill-ħidma li trid issir hija li jkun hemm tibdil fis-sistema politika attwali. Irridu nassiguraw li l-martirju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma sarx għalxejn.

Huwa tkellem ukoll kif il-Partit Nazzjonalista ġedded u biddel ħafna. Qedgħin naffermaw li l-Partit Nazzjonalista huwa partit tan-nies. Qed nassiguraw post għal kulħadd.

Permezz tal-approvazzjoni ta’ dan l-istant, il-Partit Nazzjonlaista fetaħ kapiltu ġdida fl-istorja tal-Partit. 45 sena ilu il-Partit Nazzjonalista għadda minn esperjenza bħal din ta’ issa li sarrfet biex il-Partit Nazzjonalista għamel diversi snin fil-Gvern.

Tkellem ukoll il-President tal-Kunsill Amministrattiv Carm Mifsud Bonnici fejn stqarr li l-istatut tal-PN huwa l-għodda u l-istruttura li partit modern progressiv għandu l-bżonn biex jaħdem aħjar. Carm Mifsud Bonnici qal li huwa permezz tal-politika tal-PN li jseħħ il-ġid għall-pajjiż mhux għal ftit nies biss – politika li tibni fuq l-valuri fundamentali tal-bniedem.

Huwa stqarr li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ dak il-partit li jaqbeż għal min huwa l-iktar l-isfel fis-soċjetà sabiex jagħtih l-għajnuna li għandu bżonn biex huwa wkoll javvanza. Jibqa’ dak li jemmen fid-deċentralizzazzjoni tal-poter, fis-sussidjarjetà u fis-solidarjetà. Jibqa’ l-partit tad-demokrazzija, tal-libertà, tal-ġustizzja, li jaħdem għal ambjent aħjar.

F’diskors li għamel il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione illi fakkar li l-akbar ġlidiet għas-sewwa u għall-ġustizzja kien dejjem il-Partit Nazzjonalista li għamilhom. Qal li huwa biss il-Partit Nazzjonalista li qed joffri tama għall-futur.

Alex Perici Calascione insista li l-Partit Nazzjonalista huwa alternattiva soda u serja, mibnija fuq l-esperjenza; l-integrità; il-kredibbiltà; il-kompetenza u imħabba kbira għal pajjiżna.

AKTAR KMIENI…

Illejla fetaħ uffiċjalment il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li qed jiddiskuti riformi importanti fil-partit. Dawn ir-riformi huma parti integrali tal-Istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Il-laqgħa infetħet mill-President Censu Galea, filwaqt li Louis Galea preżenta l-emendi li qed jiġu diskussi għall-istatut il-ġdid tal-partit.

Preżenti hemm fost l-oħrajn il-Kap tal-PN Adrian Delia, is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech kif ukoll il-Viċi Kapijiet tal-PN David Agius u Robert Arrigo.