Lokali

Konferma li ma ingħataw l-ebda inċentivi speċjali għal Għawdex – PN

Ritratt: NET Media

Minkejja ħafna kliem sabiħ li l-Gvern jirrikonoxxi li l-insularità doppja u l-fatt li l-ekonomija Għawdxija tiddependi bil-kbir fuq it-turiżmu meta ħareġ il-pakkett ta’ inċentivi biex tingħata għajnuna lill-intrapriżi joħorġu mid-daqqa tal-Covid-19 ma ngħataw l-ebda inċentivi speċjali għal Għawdex.

Dan ġie konfermat mir-rappreżentanti tal-Malta Enterprise meta kienu mistoqsija mid-deputati Chris Said u Kevin Cutajar fil-Kumitat Parlamentari għal Affarijiet ta’ Għawdex. Dan minkejja li kien hemm ammissjoni li hemm bżonn li jingħataw inċentivi extra għan-negozji u ħaddiema f’ Għawdex biex jiġu salvati.

Id-Deputati Għawdxin insistew li l-Gvern għandu jikkunsidra li jkun hemm inċentivi extra għall-ekonomija f’ Għawdex u dan peress li d-daqqa fuq n-negozji u l-postijiet tax-xogħol f’ Għawdex kienet ferm akbar minn Malta.

Fl-istess laqgħa ħareġ li minkejja li ninsabu fl-istaġun tas-Sajf mit-Tnejn sal-Ħamis l-lukandi u postijiet oħra huma kważi vojta kif ukoll li s-settur tad-diving li tant huwa importanti għal Għawdex minkejja li huwa wieqaf għal kollox tnaqqaslu l-għajnuna minn 800 euro għal kull haddiem għal 600 euro.  Fl-istess laqgħa ħareġ ukoll li fir-rotor li se jiftħu mill-ewwel ta’ Lulju lejn Malta se jkun hemm 60% inqas ta’ kapċità matul is-Sajf.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieħu passi immedjati u joffri inċentivi adegwati biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata u ma jintilfux iżjed impjiegi f’ Għawdex.