Internazzjonali

Korea t’Isfel: Imfakkar is-70 anniversarju tal-gwerra Koreana tas-snin ħamsin

Il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti kkonfermaw mill-ġdid l-impenn kategoriku biex jiddefendu l-paċi fil-peniżola mifruda tal-Korea. Dan waqt li l-alleati qed ifakkru s-sebgħin anniversarju tal-Gwerra Koreana, meta l-Korea ta’ Fuq komunista invadiet it-territorju tal-Korea t’Isfel fil-25 ta’ Ġunju tal-1950, fejn irriżulta konflitt ta’ tliet snin li ssarraf f’miljuni ta’ mejtin.

Il-gwerra Koreana, fl-1953, kienet intemmet bl-iffirmar ta’ armistizju u mhux bi ftehim ta’ paċi u li jfisser li l-Korej għadhom, teknikament, fi stat ta’ gwerra.

Il-peniżola Koreana ilha min dak iż-żmien maqsuma b’Zona Demilitarizzata, bis-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Mike Esper u l-Ministru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel, Jeong Kyeong-doo, issa, joħorġu stqarrija konġunta biex jgħidu li ‘l-alleanza militari tagħhom kienet ħaġa neċessarja u saret dejjem aktar soda minkejja l-prezz li tħallas fil-ħajja umana’.

Il-Korea t’Isfel tikkalkula li tilfet mal-137,000 truppi f’dik il-gwerra, bil-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti jitilfu 520,000 u 37,000 suldat, rispettivament.

Il-Korea ta’ Fuq għandha versjoni differenti tal-konflitt li tfissru bħala ‘gwerra għal-liberazzjoni’ u tinsisti li ‘kienet spiċċat hi vittma ta’ assalt militari qabel irreaġiet bil-qawwiet tagħha’.

Il-media komunista fi Pyongyang ukoll tat prominenza lil dan l-anniversarju fejn spikka editorjal b’messaġġ li ‘l-invażjoni tal-1950 mill-qawwiet Amerikani kienet biddlet lill-Korea f’medda ta’ ġmied’.