Wara nuqqas ta’ kważi erba’ xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus, fi tmiem il-ġimgħa tirritorna l-atletika. L-avveniment tas-Sibt li ġej se jkun l-ewwel wieħed taħt għat-tmexxija l-ġdida tal-MAAA taħt il-Presidenza ta’ Andy Grech.
L-avvenimenti se jinkludu t-tlielaq tal-100 metru, il-200 metru u l-400 metru kif ukoll id-discus, il-hammer throw u t-triple jump. Kull kompetizzjonijiet se tkun miftuħa għall-irġiel u n-nisa fil-kategoriji ta’ taħt it-18-il sena, l-20 sena, it-23 sena u l-adulti.
L-MAAA għamlet dak kollu possibbli biex l-atleti jkollhom tlielaq kompetittivi wara xhur diffiċli għall-atleti. Dan hekk kif kien biss ftit ġimgħat ilu li ċertu assoċjazzjonijiet sportivi ġew infurmati li setgħu jkomplu b’mod kompetittiv.
L-assoċjazzjoni Maltija tinsab f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tas-saħħa biex tassigura li tiġi mħarsa s-sigurtà massima għal dawk involuti u kollox jimxi skont il-protokoll mediku. Fost il-miżuri ta’ sigurtà li se jittieħdu, se tittieħed it-temperatura lill-atleti filwaqt li l-apparat li se jiġi użat fosthom l-istarting blocks, se jiġu sanitizzati kontinwament.
Il-kompetizzjonijiet se jsiru bil-bibien magħluqa u programm ristrett ieħor li jkopri l-bqija tal-avvenimenti, se jsir fl-4 ta’ Lulju. Qabel it-tellieqa tal-400 metru, se tiġi osservata minuta silenzju b’rispett tal-President tal-European Athletics Svein Arne Hansen li miet is-Sibt li għadda kif ukoll tal-eks kowċ nazzjonali ta’ Malta Donato Sabia li miet fit-8 ta’ April.
Il-programm tas-Sibt li ġej
5.00pm 100 metru tal-irġiel
5.30pm 100 metru tan-nisa
5.30pm hammer throw tal-irġiel
5.30pm hammer throw tan-nisa
6.00pm triple jump tal-irġiel
6.00pm triple jump tan-nisa
6.00pm 400 metru tal-irġiel
6.30pm 400 metru tan-nisa
6.30pm discus tal-irġiel
6.30pm discus tan-nisa
7.00pm 200 metru tal-irġiel
7.30pm 200 metru tan-nisa
*Kull kompetizzjonijiet se tkun miftuħa għall-irġiel u n-nisa fil-kategoriji ta’ taħt it-18-il sena, l-20 sena, it-23 sena u l-adulti
//= $special ?>