Atletika Sport

L-atletika b’mod kompetittiv tirritorna s-Sibt li ġej

(Ritratt: Trevor Sollars)

Wara nuqqas ta’ kważi erba’ xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus, fi tmiem il-ġimgħa tirritorna l-atletika. L-avveniment tas-Sibt li ġej se jkun l-ewwel wieħed taħt għat-tmexxija l-ġdida tal-MAAA taħt il-Presidenza ta’ Andy Grech.

L-avvenimenti se jinkludu t-tlielaq tal-100 metru, il-200 metru u l-400 metru kif ukoll id-discus, il-hammer throw u t-triple jump. Kull kompetizzjonijiet se tkun miftuħa għall-irġiel u n-nisa fil-kategoriji ta’ taħt it-18-il sena, l-20 sena, it-23 sena u l-adulti.

L-MAAA għamlet dak kollu possibbli biex l-atleti jkollhom tlielaq kompetittivi wara xhur diffiċli għall-atleti. Dan hekk kif kien biss ftit ġimgħat ilu li ċertu assoċjazzjonijiet sportivi ġew infurmati li setgħu jkomplu b’mod kompetittiv.

L-assoċjazzjoni Maltija tinsab f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tas-saħħa biex tassigura li tiġi mħarsa s-sigurtà massima għal dawk involuti u kollox jimxi skont il-protokoll mediku. Fost il-miżuri ta’ sigurtà li se jittieħdu, se tittieħed it-temperatura lill-atleti filwaqt li l-apparat li se jiġi użat fosthom l-istarting blocks, se jiġu sanitizzati kontinwament.

Il-kompetizzjonijiet se jsiru bil-bibien magħluqa u programm ristrett ieħor li jkopri l-bqija tal-avvenimenti, se jsir fl-4 ta’ Lulju. Qabel it-tellieqa tal-400 metru, se tiġi osservata minuta silenzju b’rispett tal-President tal-European Athletics Svein Arne Hansen li miet is-Sibt li għadda kif ukoll tal-eks kowċ nazzjonali ta’ Malta Donato Sabia li miet fit-8 ta’ April.

Il-programm tas-Sibt li ġej

5.00pm       100 metru tal-irġiel

5.30pm       100 metru tan-nisa

5.30pm       hammer throw tal-irġiel

5.30pm       hammer throw tan-nisa

6.00pm       triple jump tal-irġiel

6.00pm       triple jump tan-nisa

6.00pm       400 metru tal-irġiel

6.30pm       400 metru tan-nisa

6.30pm       discus tal-irġiel

6.30pm       discus tan-nisa

7.00pm       200 metru tal-irġiel

7.30pm       200 metru tan-nisa

*Kull kompetizzjonijiet se tkun miftuħa għall-irġiel u n-nisa fil-kategoriji ta’ taħt it-18-il sena, l-20 sena, it-23 sena u l-adulti