Futbol Sport

Liverpool champions tal-Ingilterra wara 30 sena … Man City megħluba minn Chelsea

Liverpool huma matematikament champions tal-Ingilterra għall-ewwel darba mill-istaġun 1989/90 wara li l-eqreb rivali tagħhom Manchester City kienu megħluba minn Chelsea 2-1 fi Stamford Bridge. Dan hu d-19-il kampjonat fl-istorja ta’ Liverpool u jinsabu kampjonat biss bogħod mir-rekord fl-Ingilterra li jinsab għand Manchester United. Dan it-trofew hu d-disa’ wieħed fil-karriera ta’ Jurgen Klopp bħala kowċ u l-ewwel kampjonat għalih mill-istaġun 2011/12.

B’dan ir-riżultat, Liverpool għandhom vantaġġ enormi ta’ 23 punt meta għad fadal seba’ logħbiet għal tmiem il-kampjonat filwaqt li Chelsea saħħew ir-raba’ post u jinsabu wkoll punt taħt Leicester. Proprju l-ewwel impenn ta’ Liverpool bħala champions se jkun  fit-2 ta’ Lulju fl-Etihad Stadium kontra l-istess Manchester City.

Chelsea fetħu l-iskor fis-36 minuta b’kontrattakk li minnu Christian Pulisic qabeż lil Benjamin Mendy u wiċċ imb wiċċ ma’ Ederson ma żbaljax. Manchester City ġabu d-draw fil-55 minuta bi free-kick preċiż ta’ Kevin de Bruyne li ma tax ċans lil Kepa Arrizabalaga jsalva. Saħansitra ftit wara, Raheem Sterling laqat il-wieqfa.

Pulisic kien sfortunat fit-72 minuta meta qabeż lil Ederson u xeħet f’xibka vojta iżda d-difensur Kyle Walker salva eżatt fuq il-linja. Madankollu fit-78 minuta, Chelsea skorjaw il-gowl tar-rebħa minn penalty ta’ Willian, wara li Fernandinho tkeċċa fl-azzjoni minħabba li waqqaf il-konklużjoni ta’ Tammy Abraham b’idu fuq il-linja.