Lokali

Possibbli ntefqu €10 miljun minn wara dahar il-Kabinett?

Intefqu €10 miljun mit-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin għal xiri ta’ windfarms fil-Montenegro.

Preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ dawn it-turbini tar-rih fil-Montenegro mill-Gvern Malti, kien hemm  Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Joe Mizzi u Carmelo Abela. Anke l-eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, kien magħhom. Madanakollu, minkejja l-miljuni li ntefqu, mhux kull persuna fil-Gvern Laburista kien jaf b’dan id-deal.

Wara li l-Ministru Michael Falzon żvela magħna li dan id-deal qatt ma kien diskuss fil-Kabniett, issa kien imiss lill-Ministru Jose Herrera li jirrepeti din l-istqarrija li fiha piż kbir.

Mil-lista ta’ persuni li marru l-Montenegro dakinhar li kien inawgurat il-windfarm – huma tnejn li m’għadhomx parti mill-Gvern illum il-ġurnata – Keith Schembri irriżenja minn Chief of Staff ta’ Kastilja u Konrad Mizzi tkeċċa mill-Partit Laburista. B’kuntrast, Robert Abela għadu qed iżomm lil Joseph Muscat fil-Grupp Parlamentari tieghu.

Ftit tal-jiem ilu quddiem il-Parlament, wara li ħarġu l-aħbarijiet dwar il-mod kif inxtraw dawn il-windfarms, staqsejna lill-Ministru tal-Finanzi jekk kienx jaf bil-miljuni li intefqu f’dawn it-turbini tar-rih. U minkejja li hu inkarigat mill-infieq ta’ flus il-poplu, Edward Scicluna ħarab milli jwieġeb.