Sport Waterpolo

Għad ma għandniex risposta definita ta’ kemm jistgħu jattendu partitarji fil-Pixxina – Joe Caruana Curran, President tal-ASA

(Ritratt: Trevor Sollars)

Stewart Said

Tkompli tikber l-istennija għall-Kampjonat tas-Sajf ta’ din is-sena li se jintlagħab f’ċirkostanzi differenti mis-soltu. Normalment f’dawn iż-żminijiet, ikun diġà beda l-istaġun tas-sajf iżda minħabba l-Covid-19, il-Kampjonat tas-Sajf se jibda fil-21 ta’ Lulju u jintemm fl-14 ta’ Ottubru.

B’deċiżjoni li ttieħdet anki b’kunsens mal-klabbs, ġie deċiż x’jiġri mill-kampjonati jekk is-sitwazzjoni tal-Covid-19 terġa’ tikber fix-xhur li ġejjin. Jekk il-kompetizzjonijiet jitwaqqfu qabel tmiem it-tieni rawnd tal-kampjonati, l-ebda tim ma jkun iddikjarat rebbieħ. Jekk il-kampjonati jitwaqqfu fil-fażi tal-play-offs, it-timijiet li jkunu fl-ewwel post qabel jibdew il-play-offs, ikunu ddikjarati rebbieħa.

Kif diġà kien konfermat, għal dan l-istaġun bi qbil mal-klabbs, mhux se jkun hawn plejers barranin biex il-klabbs itaffu mill-ispejjeż u n-nuqqas tad-dħul li kellhom fl-aħħar xhur. Ir-referees Taljani li jkunu preżenti f’kull sena, se jerġgħu jkunu f’pajjiżna biex jgħinu lir-referees Maltin għall-ammont ta’ logħob li jintlagħbu.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li dawn l-aħħar xhur kienu diffiċli għall-klabbs u l-assoċjazzjoni iżda żied li issa jidher li l-klabbs bdew ġejjin għal forma ta’ normalità. Hu faħħar il-koperazzjoni li kien hemm bejn l-ASA u l-klabbs kif ukoll irringrazzja lill-Eżekuttiv tal-ASA tal-ħidma impenjattiva tiegħu, hekk kif anki l-kampjonati taż-żgħażagħ se jsiru kollha fil-Pixxina Nazzjonali minflok fil-pitches tal-klabbs.

Il-format tal-kampjonat se jkun eżatt bħas-sena l-oħra, jiġifieri Rawnd Preliminari li fih ikun determinat min se jilgħab fil-Kampjonat Premier u l-Ewwel Diviżjoni. Wara żewġ rawnds tal-kampjonati, jintlagħbu l-play-offs.

L-istaġun tas-sajf se jibda fil-15 ta’ Lulju hekk kif se tintlagħab l-aħħar fażi tal-Enemed Cup biex tkun konkluża t-tielet edizzjoni. Ġie deċiż ukoll li għat-tieni darba mill-ewwel edizzjoni li saret fl-1994, il-Kampjonat tax-Xitwa mhux se jintlagħab wara anki diskussjonijiet mal-klabbs.

Preżenti wkoll Anthony Scicluna f’isem il-Bank of Valletta. Hu qal li jinsab kuntent li l-waterpolo jista’ jerġa’ jintlagħab u jittama li kemm jista’ jkun is-sitwazzjoni tkun għan-normal għalkemm mhux faċli. Hu feraħ lill-ASA tal-arranġament li għamlu biex l-istaġun se jkun jista’ jintlagħab.

Is-sitwazzjoni tal-ispettaturi fil-Pixxina Nazzjonali

Jekk il-fatt li l-istaġun jista’ jibda hu pożittiv, id-dilettanti tal-waterpolo jittamaw li jkunu jistgħu jassistu għall-partiti fil-Pixxina Nazzjonali b’mod normali. Il-President tal-ASA qal li sa issa ma għandhom l-ebda risposta definita dwar jekk dan hux se jkun possibbli minħabba li ċertu restrizzjonijiet għadhom fis-seħħ.

“Fadal tliet ġimgħat u jistgħu jiġru ħafna affarijiet pożittivi. Imma mingħajr risposta definita, nistgħu biss nassumu x’jista’ jiġri.” Caruana Curran hu tal-opinjoni li jekk jistgħu jsiru ċertu attivitajiet, daqstant ieħor jistgħu jattendu partitarji fil-Pixxina. Wara diskussjonijiet li kellhom, ġie deċiż li skont il-miżuri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, jista’ jkun hemm sa 270 persuna preżenti fil-Pixxina Nazzjonali meta jibda l-istaġun.

Dwar it-Tazza tal-President li normalment tiftaħ l-istaġun, Joe Caruana Curran qal li minħabba li normalment din il-logħba ssir biex jinġabru fondi għal Malta Community Chest Fund Foundation, se jkunu qed jistennew biex forsi l-logħba tintlagħab meta jkunu jistgħu jattendu n-nies mingħajr restrizzjonijiet. L-istess jgħodd għat-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports.

Enemed Cup

L-Erbgħa 15 ta’ Lulju: Il-ħames ġurnata: Sliema v Marsaskala 5.30pm, Sirens v Exiles 6.45pm, Neptunes v San Ġiljan 8.00pm

Il-Ġimgħa 17 ta’ Lulju: Semifinali Play-offs: 1 v 4 6.15pm, 2 v 3 7.30pm

Il-Ħadd 19 ta’ Lulju: 3/4 post 6.00pm, Finali 7.15pm

Kampjonat tas-Sajf

Rawnd Preliminari

Grupp A: Neptunes, Sirens, Marsaxlokk, Marsaskala, Birżebbuġa, Ta’ Xbiex

Grupp B: Sliema, San Ġiljan, Exiles, Valletta, Otters

L-ewwel ġurnata

It-Tlieta 21 ta’ Lulju: Sliema v Otters 6.15pm, Neptunes v Ta’ Xbiex 7.30pm

L-Erbgħa 22 ta’ Lulju: San Ġiljan v Valletta 5.30pm, Marsaxlokk v Birżebbuġa 6.45pm, Sirens v Marsaskala 8.00pm

It-tieni ġurnata

Il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju: Valletta v Otters 6.15pm, Sirens v Ta’ Xbiex 7.30pm

Is-Sibt 25 ta’ Lulju: San Ġiljan v Exiles 4.45pm, Neptunes v Birżebbuġa 6.00pm, Marsaskala v Marsaxlokk 7.15pm

It-tielet ġurnata

Il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju: Otters v Exiles 6.15pm, Sliema v Valletta 7.30pm

Is-Sibt 1 ta’ Awwissu: Ta’ Xbiex v Birżebbuġa 4.45pm, Neptunes v Marsaskala 6.00pm, Marsaxlokk v Sirens 7.15pm