Lokali

“Skip taż-żibel” – laburisti urtati għal Stagno Navarra

L-istazzjon tal-Partit Laburista akkużat li qed jgħatti l-korruzzjoni

L-istazzjon tal-Partit Laburista ġibtuh skip taż-żibel. Hekk iddeskriva lill-media tal-Lejber, l-attivist Laburista Mark Camilleri f’post fuq il-media soċjali.

Camilleri qal li għal snin sħaħ b’mod konsistenti il-ONE u l-edituri tiegħu dejjem appoġġjaw u ddefendew il-korruzzjoni. “B’mod sfaċċat u bla mistħija ta’ xejn dan l-istazzjon ried ibella lin-nies li Konrad Mizzi mhux korrott”, kiteb Camilleri.

B’referenza għall-preżentatur tal-programm Pjazza, Karl Stagno Navarra, Camilleri qal li f’filmat partikolari l-preżentatur qabeż għal Laburist korrott. B’dispajċit kiteb “Kif ġibnieh il-Partit tal-Ħaddiema, x’taħwid.” Hu kien qed jirreferi għall-programm meta Stagno Navarra intervista lill-eks Mnstru u eks Deputat Laburista Konrad Mizzi.

Mark Camilleri qal li jekk il-Partit Labirista jrid jiġġenera, il-ONE jrid jinbidel minn skip taż-żibel għal stazzjon intelliġenti. “Inkella aħjar jagħlaq u ma nkomplux nxerrdu l-injoranza” temm jgħid Camilleri.

Intant f’botta u risposta, iċ-Chairman tal-ONE Jason Micallef, f’post fuq facebook qal lil Camilleri sabiex jirtira dak li kiteb għax inkella kien se jtellgħu l-Qorti.