Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Toni Castillo

Illum wara nofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lil Anthony Castillo (magħruf bħala Toni Castillo) – wieħed mill-attivisti veterani tal-Partit Nazzjonalista – fil-Knisja tal-Parroċċa tal-Mellieħa.

Il-mewt ta’ Toni Castillo tħabbret it-Tnejn 22 ta’ Ġunju fl-età ta’ 70 sena.

Toni Castillo jibqa’ mfakkar għall-ħidma bla waqfien li għal snin twal wettaq fil-Mellieħa u l-appoġġ bla limitu li dejjem kellu għall-PN, f’diversi perijodi fis-snin riċenti u anke fil-passat.

Toni qatt m’hu se jkun minsi minn ħafna. Dan b’mod speċjali mill-famlija tiegħu li tant kien iħobb; lil martu Rose u uliedu Ivan u Amanda. Iben Toni, Ivan Castillo huwa l-minorty leader u kusillier f’isem il-PN fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kif ukoll il-President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).

Waqt l-aħħar tislima, Toni Castillo kien deskritt mill-Arċipriet Dun Joe Caruana bħala bniedem soċjevoli li kien jaf iħobb u kien dejjem kburi bil-familja tiegħu. Dun Joe faħħar il-valuri sodi li kellu Toni filwaqt li saħaq li kien bniedem pożittiv li għallimna nħobbu l-ħajja. Hu kien deskritt bħala persuna li kien iħobb jgħin.

Fost il-mijiet li attendew għall-funeral ta’ Toni, attenda l-Kap tal-PN Adrian Delia flimkien mat-tmexxija kollha tal-partit. Preżenti wkoll numru kbir ta’ deputati, kunsilliera u membri tal-PN. Attendew ukoll il-membri kollha tal-kumitat sezzjonali tal-PN fil-Mellieħa flimkien mal-kunsilliera kollha tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Toni Castillo hu isem sinonimu mal-ġustizzja favur il-ħaddiema u favur iż-żgħir. Min kellu x-xorti li jsir jafu, jaf li xejn ma kien iwaqqfu jew ibeżżgħu biex il-ħaddiem ma jitgħaffiġx. Hu serva għal snin twal fil-fergħa tal-PN Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN). Kien xprun u ta’ eżempju ħaj għal dawk kollha li jafu jidħlu b’ruħhom u ġisimhom għal kawża ġusta.

Fi stqarrija SĦPN qalu li lil Toni kont issibu biex jgħin u jagħti servizz il-ħin kollu u bla problemi. Kien onest, bla kantunieri u taf fejn int miegħu. Kien jidħol għalik anke fin-nar. Il-familja tiegħu kienet ferm għal qalbu u rnexxielu jrawwem f’uliedu l-istess imħabba u dedikazzjoni biex jgħinu u jkunu ta’ servizz lejn l-oħrajn.

L-SĦPN kompla li kul fejn ħadem, Toni kien punt ta’ referenza u kellu l-bieb miftuħ għal kulħadd. Dan jafuh sew ukoll il-ħaddiema tal-Enemalta, li ħadem u stinka ferm għalihom.