Basketball Sport

Vince Carter jirtira wara rekord ta’ 22 staġun fl-NBA

(Ritratt: EPA)

Vince Carter ħabbar li se jtemm il-karriera tiegħu fl-NBA wara 22 sena, l-itwal esperjenza ta’ plejer fl-istorja tal-kampjonat. Carter li għandu 43 sena, kien il-ħames plejer li ġie magħżul fid-Draft tal-NBA tal-1998.

Hu lagħab l-ewwel sitt staġuni ma’ Toronto Raptors u fl-2004 ngħaqad ma’ New Jersey Nets, tim li dam miegħu sal-2009. Wara staġun ma’ Orlando Magic u ieħor ma’ Phoenix Suns, fl-2011 ingħaqad ma’ Dallas Mavericks, tliet snin wara kompla l-karriera ma’ Memphis Grizzlies u lagħab ma’ Sacramento Kings fl-istaġun 2017/18. L-aħħar żewġ staġuni lagħbhom mat-tim żagħżugħ ta’ Atlanta Hawks.

“F’dawn l-aħħar sentejn, Vince Carter kien mexxej rispettat u ta’ eżempju fuq il-court, fid-dressing room u fil-komunità ta’ Atlanta. Tul il-vjaġġ storiku ta’ 22 sena tul erba’ diċenji, evolva fil-karriera bħal ħadd aktar fl-istorja tal-kampjonat,” qalu Atlanta Hawks fi stqarrija.

Carter kellu medja ta’ aktar minn 20 punt kull logħba għal 10 staġuni u fl-istaġun 2000/01 kellu l-ogħla medja fil-karriera tiegħu ta’ 27.6 punt. Hu ritra b’medja ta’ 16.7 punti, 4.3 rebounds u 3.1 assists kull logħba. Fl-1999 rebaħ l-unur tad-Debuttant tas-Sena u bejn l-2000 u l-2007 kien kien magħżul fit-tim All-Star. Fis-sena 2000, Carter kien ukoll parti mit-tim nazzjonali Amerikan li rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Sydney.