Lokali Qorti

15-il xahar ħabs fuq attentat ta’ serq u li sar reċediv

Raġel ta’ 53 sena mill-Ħamrun ġie kkundannat 15-il xahar ħabs mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li ammetta li erba’ xhur ilu meta aċċeda minn fuq bejt ipprova jisraq minn residenza oħra u li sar reċediv.

Alexander Cardona ammetta li fl-14 ta’ Frar li għadda għall–ħabta tal-11.30am. ipprova jwettaq serqa, li ma seħħitx minħabba xi ħaġa aċċidentali w indipendenti mill-volontà tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Stacy Attard qalet li kienu s-serqa saret ma kinitx teċċedi l-€2329.37, għad dannu ta’ raġel ta’ 45 sena li joqgħod fi Triq Eugenio Borg, il-Ħamrun.

Cardona ammetta li wettaq ħsara fil-propjetà tal-vittma u li fil-pusses tiegħu nstabu oġġetti relatati ma’ serq, fosthom għodod tajbin għall-ftuħ njew sgass ta’ serraturi.

Ammetta wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati Malta u li sar reċidiv. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti filwaqt li kkunsidrat l-ammissjoni tiegħu, qagħdet ukoll fuq il-fatt li l-kondotta tiegħu xejn ma hija waħda feliċi.