Lokali Parlament

Parkeġġ f’Wied iż-Żurrieq u f’Birżebbuġa u l-promozzjoni ta’ siti storiċi fin-naħa t’isfel ta’ Malta

Waqt id-diskors tiegħu fil-Parlamet dwar l-approvazzjoni tal-estimi tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina irringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-Awtorità kif wkoll lill-ħaddiema kollha u lil dawk li jħaddmuhom li jagħtu servizz lil pajjiżna fil-qasam turistiku, għall-ħidma tagħhom. Hu wera solidarjetà ma’ dawk kolli li fiċ-ċirkustanzi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid 19, jinsabu f’ diffikultajiet finanzjarji u inċertezzi fuq il-post tax-xogħol. Irringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha tal-Cleansing Department, li jaqgħu taht l-isess ninisteru, li kienu ta’ servizz għall-poplu Malti u Għawdxi tul il-pandemija f’ dawn l-aħħar xhur.

Toni Bezzina għamel referenza għall-fatt li f’Wied iż-Żurrieq hemm bżonn urġenti li tigi pprovduta ‘multi-level car park’ minħabba l-problema kbira ta’ nuqqas ta’ parkeġġ li hemm. Din il-problema qed teffetwa b’mod negattiv lil diversi stabbilitmenti kif wkoll lil barklori li jaghtu servizz f’ Wied iż-Żurrieq. Problema oħra hi n-nuqqas ta’ wieħed mill-aktar servizzi importanti; is-servizz tad-drenaġġ.

Toni Bezzina qal li għalkemm ninsabu fis-sena 2020, Wied iż-Żurrieq għadu bla servizz tad-drenaġġ. Hu qal li ilu jsemmi dawn il-problemi għal diversi snin, però sfortunatament min jaqla’ x’ jiekol minn dan il-villaġġ trustiku għadu jħabbat wiċċu magħhom ta’ kuljum. Għalkemm xi snin ilu kienu bdew xi studji f’dan ir-rigward, sal-lum il-ġurnata għadu ma sar xejn konkret. Għalhekk, appella lill- Gvern u b’mod speċjali lill-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, biex ix-xogħlijiet neċessarji jibdew bla dewmien.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel riferenza wkoll għall-fatt li għalkemm diversi lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta għandhom diversi siti storiċi ta’ valur turistiku ogħli, dan mhux jiġi riklamat biżżejjed ma’ dawk kollha li jżuru il-gżira Maltija. Fost dawn hemm diversi knejjes u kappelli, mtalli, torrijiet, katakombi, ġonna li jmorru lura mijjiet ta’ snin bħal Ġnien tal-Kmand u Ġnien Ball, mtiehen tar-riħ, fdalijiet Rumani u diversi postijiet ta’ nteress oħra. Għalhekk, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu għandha d-dmir li tara li l-fondi kollha dedikati għar-reklamar jkunu ġusti mal-lokalitajiet kollha ta’ pajjiżna biex b’ hekk ikun hemm tqassim ugwali għall-gid li jinħoloq mit-turiżmu.

Toni Bezzina ghalaq għamel riferenza għall-‘multi-level car park’ propost fiż-żona tal-Freeport f’Birzebbbuġa. Filwaqt li faħħar din l-inizattiva fejn hu propost li jsir ‘car park’ ta’ 450 karozza fuq tlett livelli bi spiza ta’ ‘l fuq minn €3 miljuni, reġa’ appella lill-gvern biex sular miż-żewg sulari riservati għall-pubbliku, jkun riservat biss għar-residenti ta’ Birżebbugia bla ħlas. B’hekk, dan il-proġett ikun ikkumpensa ftit lir-residenti ta’ dan ir-raħal għad-diversi inkonvenjenzi li sofrew u qed jsofru minħabba l-Freeport.