Internazzjonali

Skozja: Aggressur joqtol tnejn ġo lukanda fi Glasgow qabel jinqatel mill-pulizija

Boris Johnson iwassal messaġġ ta' solidarjetà mal-qraba tal-vittmi

Raġel armat b’sikkina qatel żewġ persuni ġo lukanda fiċ-ċentru ta’ Glasgow qabel spiċċa maqtul hu wkoll minn tiri li sparawlu l-pulizija armati li wieġbu fil-pront għall-emerġenza.

Fl-attakk spiċċaw feruti sitt persuni li ddaħħlu l-isptar, b’dawn jinkludu membru tal-korp tal-pulizija li jinsab f’sitwazzjoni ‘kritika iżda stabbli’.

Il-lukanda fejn seħħ l-attakk jisimha Park Inn u bħalissa qed tintuża biex talloġġja lill-immigranti li qegħdin ifittxu kenn politiku. Intant, kelliema għall-awtoritajiet lokali kkonfermaw li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u spiċċat it-theddida għall-pubbliku.

L-istess sorsi qalu li l-inċident mhux qed ikun trattat bħala wieħed terroristiku meta l-pulizija qegħdin jiġbru d-dettalji relatati mal-każ.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet qalu li l-pulizija mhumiex ifittxu għal ħaddieħor li seta’ kien relatat mal-inċident qattiel.

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ pulizija baqgħu għassa barra s-sit tal-Park Inn (il-lukanda fejn seħħ l-attakk) li jinsab f’post prominenti ta’ Glasgow, waqt li n-nies kienu mwissija biex jevitaw l-inħawi.

Dan meta l-Ministeru tal-Ġustizzja Skoċċiż ħareġ stqarrija li ‘il-Gvern kien qed ikun aġġornat bis-sitwazzjoni’.

Il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet li r-rapporti li bdew jidħlu dwar il-każ kienu ‘mill-aktar xokkanti’ u li hi u l-awtoritajiet ikkonċernati kienu qed jevalwaw iċ-ċirkustanzi ‘waqt li s-sitwazzjoni kienet qed tiċċara’.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson qal li kien imnikket ferm b’dan il-każ, bis-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit, Priti Patel, tesprimi ‘l-allarm kbir’ għall-inċident qattiel fil-qalba ta’ Glasgow.