Internazzjonali

Awstralja: Deputat taħt investigazzjoni dwar allegati rabtiet maċ-Ċina

Deputat parlamentari Awstraljan mistenni li jispiċċa sospiż mill-partit tiegħu fost rapporti li l-uffiċċju tiegħu, f’Sydney, jinsab taħt investigazzjoni mill-aġenziji tas-sigurtà nazzjonali rigward allegati rabtiet maċ-Ċina.

L-awtoritajiet wettqu rejds fid-dar u l-uffiċċju ta’ Shaoquett Moselmane, politiku fl-Istat ta’ New South Wales, bil-pulizija u l-aġenziji sigrieti jsostnu li ‘l-investigazzjoni għadha tiżviluppa’ mingħajr ma provdew id-dettalji.

Moselmane, membru tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, ma kummentax pubblikament dwar is-sitwazzjoni. Iżda Jodi McKay, il-Kap tal-Laburisti fil-Parlament ta’ New South Wales, qalet li huma inkwetanti ferm ir-rapporti li r-rejds ibbażaw fuq il-possibbiltà li l-uffiċċju ta’ Moselmane ‘ippermetta għall-indħil mill-Gvern taċ-Ċina’ fl-affarijiet tal-Awstralja.

McKay insistiet li l-investigazzjoni trid tilħaq il-konklużjoni u li Moselmane, għalissa, mhux se jkun involut fl-affarijiet tal-partit.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, lanqas ma żvela dettalji tal-investigazzjoni iżda ammetta li din ilha għaddejja ż-żmien. Morrison insista li ‘il-Gvern  hu determinat li l-ebda entità barranija ma tindaħal fl-attivitajiet tal-Awstralja filwaqt li dejjem lest għal azzjoni f’dan it-tip ta’sitwazzjoni’.

L-awtoritajiet fl-Awstralja, fl-istess ħin, ikkonfermaw li r-rejds fl-uffiċċju ta’ Moselmane mhumiex relatati għal xi theddida speċifika lill-komunità.