Birkirkara komplew jikkonfermaw aktar plejers li ffurmaw parti mill-istaġun li għadda hekk kif ħabbru li ġeddew il-kuntratti ta’ Roderick Briffa, Cain Attard u l-gowlkiper Amara Sylla. Fl-aħħar ġimgħat, iż-żagħżugħ Paul Mbong ukoll iffirma l-ewwel kuntratt professjonali tiegħu filwaqt li Oscar Carniello, Claudio Bonanni u Federico Falcone ġeddew il-kuntratt.
Il-veteran Roderick Briffa ffirma kuntratt ta’ sena mal-klabb. Il-plejer ta’ 38 sena hu prodott tal-istess klabb li kien għamel id-debutt miegħu lura fl-istaġun 1998/99. Hu ħalla l-klabb fl-2007 biex ingħaqad ma’ Sliema Wanderers, wara li matul it-tmien snin kellu esperjenzi b’self ma’ Lija Athletic u Pietà Hotspurs. Briffa dam staġun u nofs ma’ Sliema qabel ingħaqad ma’ Valletta f’Jannar tal-2009.
Mal-Beltin kellu l-aktar perjodu ta’ suċċess hekk kif fost l-unuri, rebaħ il-kampjonat erba’ darbiet minbarra darba ma’ Birkirkara. Tliet staġuni ilu, Briffa ngħaqad ma’ Gżira United fejn baqa’ regolari u għen lill-Maroons jispiċċaw darbtejn fit-tielet post. Briffa hu rebbieħ darbtejn tal-Plejer tas-Sena tal-MFA.
Cain Attard iffirma kuntratt ta’ tliet snin. Hu ngħaqad mal-Istripes lura fis-sajf tal-2015 mingħand Pietà Hotspurs. Wara li kien regolari ma’ Pietà, Attard sar plejer regolari ma’ Birkirkara fuq in-naħa leminija tad-difiża u sa issa lagħab aktar minn 150 logħba fil-Kampjonat Premier. Fiż-żmien tiegħu ma’ Birkirkara, id-difensur ta’ 25 sena ssejjaħ mat-tim nazzjonali u sa issa lagħab ħames darbiet.
Amara Sylla ffirma l-ewwel kuntratt professjonali mal-klabb ta’ ħames snin. Għalkemm għadu jrid jagħmel id-debutt mal-ewwel tim, fl-età ta’ 18-il sena Sylla hu meqjus bħala wieħed mill-gowlkipers promettenti ta’ pajjiżna fejn anki jifforma parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena.
//= $special ?>