Futbol Sport

Devis Mangia jsejjaħ skwadra ta’ 31 plejer għal ġimagħtejn ta’ sessjonijiet f’Lulju

(Ritratt: MFA)

Il-kowċ nazzjonali Malti Devis Mangia flimkien mal-assistenti Davide Mazzotta u Guillermo Giacomazzi sejjaħ skwadra akbar mis-soltu bi preparazzjoni għall-pre-season li se jibda il-Ħadd 5 ta’ Lulju. Dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ se jinklud testijiet fiżiċi u mediċi kif ukoll laqgħa tekniċi u tattiċi. L-għan hu li jgħinu lit-timijiet qabel l-impenji li għandhom f’dak li hu ritorn għall-futbol wara l-pandemija tal-Covid-19.

Fatt interessanti hu li f’din l-iskwadra hemm il-preżenza ta’ Enrico Pepe, Mario Fontanella u Amadou Samb, tliet plejers li mhumiex Maltin iżda mistennija jkollhom ċittadinanza Maltija bil-mertu. Fl-iskwadra mhux inklużi plejers bħal Bjorn Kristensen, Rowen Muscat, Juan Corbalan u Karl Micallef.

Wara diskussjonijiet mal-klabbs li se jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, il-plejers ta’ dawn il-klabbs se jibqgħu biss għall-ewwel ġimgħa mill-ġimagħtejn skedati. It-tim nazzjonali A qed jipprepara għall-impenji minn Grupp D1 tal-UEFA Nations League bejn Settembru u Novembru. Dawn mistennija jkunu l-ewwel logħba għal Mangia bħala kowċ nazzjonali.

Is-sessjonijiet tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena taħt it-tmexxija ta’ Silvio Vella jibdew fil-5 ta’ Lulju filwaqt li s-sessjonijiet tat-tim ta’ taħt id-19-il sena taħt il-gwida teknika tal-kowċ il-ġdid Andrea Tedesco jibdew fit-12 ta’ Lulju.

L-iskwadra kollha

Gowlkipers: Rashed Al-tumi (Casarano Calcio), Henry Bonello (Valletta), Matthew Calleja Cremona (Hibernians), Jake Galea (Sliema Wanderers)

Difensuri: Andrei Agius (Hibernians), Jean Borg (Valletta), Steve Borg (Gżira United), Zach Muscat (Olhanense), Enrico Pepe (Birkirkara), Kurt Shaw (Sliema Wanderers)

Midfielders: Cain Attard (Birkirkara), Myles Beerman (Hibernians), Ryan Camenzuli (Floriana), Triston Caruana (Valletta), Jake Grech (Hibernians), Matthew Guillaumier (Birkirkara), Joseph Mbong (Hibernians), Steve Pisani (Balzan), Zachary Scerri (Gżira United), Neil Tabone (Żejtun Corinthians), Dunstan Vella (Hibernians), Dexter Xuereb (Gżira United), Yannick Yankam (Birkirkara)

Attakkanti: Shaun Dimech (Valletta), Jurgen Degabriele (Hibernians), Jean Paul Farrugia (Sliema Wanderers), Mario Fontanella (Valletta), Paul Mbong (Birkirkara), Luke Montebello (Birkirkara), Kyrian Nwoko (Valletta), Amadou Samb (Gżira United)