Lokali

Diskors kunfliġġenti mill-kabinett ta’ Abela

Il-Ministru Scicluna jgħid li l-Gvern “kellna ħalliel u seraqna”

Stqarrijiet kunfliġġenti dwar l-aħħar skandlu, fost lista twila, li qed jgħerreq lill-Kabinett ta’ Robert Abela.

Dan wara li għad-differenza tal-Ministri Josè Herrera u Michael Falzon, li saħqu li l-kabinett qatt ma ddiskuta l-proġett tal-windfarms fil-Montenegro, f’kummenti li ta ma’ Net News il-Ministru Owen Bonnici ma eskludiex li dan ġie diskuss ….iżda insista li dak li jingħad fil-kabinett m’għandux jiġi żvelat.

Mistoqsi jagħti raġuni għalfejn Konrad Mizzi tkeċċa mill-Grupp Parlamentari Laburista – Owen Bonnici stqarr li huwa jaqbel mal-ispjegazzjoni li ta l-Prim Ministru Robert Abela, jiġifieri li tkeċċija tiegħu kienet kawża tal-Panama Papers; 4 snin wara li dan kien fatt magħruf, 4 snin wara li l-Grupp Parlamentari Laburista, inkluż hu taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, kienu taw appoġġ sħiħ lil Mizzi.

Dan ifisser li wara dawn is-snin kollha – id-Deputati Laburisti spiċċaw taw ir-raġun lill-Partit Nazzjonalista fejn tul dan iż-żmien kollu kien vuċi soda favur il-ġustizzja u kontra l-korruzzjoni. Fi kliem Owen Bonnici taħt it-tmexxija preċedenti, Muscat dejjem mexa fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Owen Bonnici sostna li bħal Robert Abela, huwa mhux tal-fehma li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat jitkeċċa bħal Konrad Mizzi, l-għaliex spjega li Muscat diġà refa’ r-responsabbilità politika tiegħu billi rreżenja mit-tmun tal-pajjiż.

Meta mistoqsi jekk jaħsibx li l-fatt li falla milli jkeċċi lil Konrad Mizzi 4 snin ilu – huwiex wieħed mid-difetti ta’ Muscat tul it-tmexxija tiegħu … huwa saħaq li l-eks Prim Ministru ħa “deċiżjonijiet importanti”.

Intant…wara li gie zvelat li 17 Black dahhlet il-miljuni mill-progett tal-Montenegro…. il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna insista li l-Gvern m’għandu xejn x’jaħti għal dak li ddeskriva bħala ċertu atti ta’ korruzzjoni. Huwa ddeskriva l-Gvern bħala “il-vittma” f’dan kollu; daqs li kieku persuna li kellu ħalliel id-dar u serqu.