Sport Sport Ieħor

Goran Ivanisevic ukoll pożittiv għall-coronavirus

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ ta’ Novak Djokovic, Goran Ivanisevic, instab ukoll li għandu l-coronavirus wara li kien preżenti fl-Adria Tour. Ivanisevic kien id-Direttur tal-Adria Tour li sar fil-Kroazja, avveniment li ġie organizzat minn Djokovic.

It-tennist Serb talab apoloġija wara li sar ir-raba’ tennist li nstab pożittiv minn dak it-tournament flimkien ma’ Grigor Dimitrov, Viktor Troicki u Borna Coric. Ivanisevic li għandu 48 sena, ħeġġeġ lin-nies li kien f’kuntatt magħhom biex jieħdu ħsieb lilhom infushom aktar mis-soltu. Il-Kroat li fil-passat kien rebaħ Wimbledon, qal li qed iħossu tajjeb u ma għandux sintomi tal-virus. Hu kompla li se jmur f’iżolament u awgura fejqan ta’ malajr għal dawk li ġew infettati.

Djokovic ġie kkritikat għal mod kif organizza dawn it-tournaments li saru fil-preżenza tal-partitarji u mingħajr ir-regoli tad-distanza soċjali. Hu qal li kienu segwew il-protokolli mediċi f’żewġ pajjiżi li kellhom ftit każijiet ta’ Covid-19. Iżda wara li ħabbar li nstab pożittiv, Djokovic ammetta li kien żbaljat u kien kmieni wisq biex jiġu organizzati dawn it-tip ta’ tournaments.