Lokali

Iċ-Chief of Staff ta’ Abela b’żewġ impjiegi u €64,000 fis-sena

Clyde Caruana jżomm impjieg ma' JobsPlus b'paga ta' €14,000 fis-sena

Clyde Caruana, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Robert Abela, sab mezz kif jżid mal-paga ta’ €50,000 fis-sena b’€14,000 miżjuda f’butu wara li żamm rwol ma’ JobsPlus bħala ċermen mhux eżekuttiv.

Dan ikkonfermah hu stess mas-sit onlajn TheShiftNews.

Qabel ma ntgħażel sabiex jieħu din il-kariga mimlija pressjoni u li tirrekjedi ħidma 24 siegħa kuljum, Caruana kien jokkupa il-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus – l-aġenzija tal-Gvern li l-għan tiegħu huwa kollu kemm hu sabiex jinstab impjieg lil min jirreġistra għal xogħol.

Madanakollu issa l-istess Caruana kkonferma li għad għandu rwol fit-tmexxija ta’ JobsPlus. Din l-aġenzija hija responsabbli għal mijiet ta’ impjiegi inkluż numru sostanzjali ma’ dipartimenti u aġenzija oħra tal-Gvern u għaldaqstant wieħed bla ma jrid jistaqsi kif il-persuna nkarigata milli tieħu ħsieb l-OPM għandha ċans għal impjieg ieħor bħal dan.

Din mhux l-ewwel okkażjoni fejn persuni qrib it-tmexxija tal-Gvern Laburista ikollhom żewġ impjiegi, b’paga sostanzjali – kemm taħt it-tmexxija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u issa ankè taħt it-tmun ta’ Robert Abela l-għaliex jidher li l-għajta ta’ kontinwità tiegħu hija ċara daqs il-kristall.