Coronavirus Lokali

Il-Coronavirus fisser nuqqas qawwi fid-dħul rikorrenti tal-pajjiż – NSO

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ikkonferma li l-perjodu tal-pandemija tal-Coronavirus fisser nuqqas qawwi fid-dħul rikorrenti tal-pajjiż. Fil-fatt, statistika ppubblikata mill-NSO uriet li bejn Jannar u Mejju li għaddew, id-dħul rikorrenti naqas bi €317.7 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

L-NSO spjega li dan l-ammont ifisser tnaqqis ta’ 17.4% mill-€1,826.6 miljun li l-pajjiż daħħal fl-ewwel ħames xhur tal-2019. L-akbar fattur għal dan it-tnaqqis kien in-nuqqas fl-Income Tax (€142.8 miljun) segwit min-nuqqas ta’ dħul mill-VAT (€70.7 miljun) u żieda fit-talba għal benefiċċji soċjali (€48.9 miljun).

L-NSO spjega wkoll li sal-aħħar ta’ Mejju, l-ispiża tal-Gvern ammontat għal €2,182.3 miljun jew żieda ta’ 15.2% mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Anke l-ispiża rikorrenti rat żieda, ta’ €161.8 miljun sa Mejju li għadda meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

Interessanti l-fatt li minn dawn, €10 miljun intefqu direttament f’benefiċċji soċjali relatati mal-Covid-19, esklużi l-benefiċċji tal-pagi, filwaqt li kien hemm żieda wkoll fl-infieq ta’ mediċini u materjal mediku ieħor (€17.9 miljun).

L-NSO qal li d-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ totali fl-ewwel ħames xhur tas-sena wasslu għal defiċit ta’ €673.4 miljun, bl-akbar fattur jibqa’ l-perjodu tal-pandemija.