Lokali Sport

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-għawwiem Neil Agius

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija feraħ lill-għawwiem Neil Agius  li temm b’suċċess għawma bejn Sqallija u Malta f’distanza ta’ 100km.

L-istqarrija saret minn Robert Cutajar, kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, illi kien fost dawk li f’San Ġiljan laqa’ l-wasla ta’ Agius f’pajjiżna.

F’din l-inizjattiva bl-isem Wave of Change, Neil Agius bagħat sinjal qawwi ta’ kemm l-isport jista’ jkun pjattaforma importanti sabiex inwasslu lis-soċjeta’ tagħna messaġġi varji fl-interess tal-ġid komuni. 

Robert Cutajar qal illi fil-każ ta’ Neil Agius, din l-għawma għamilha biex joħloq aktar kuxjenza dwar l-importanza li nibżgħu għall-ibħra ta’ madwarna b’messaġġ qawwi favur baħar aktar nadif.

“Waqt li kont preżenti għall-wasla ta’ Neil f’San Ġiljan stajt ninnota l-ferħ u l-għaqda li ġabet magħha din l-inizjattiva fejn anke hawn wieħed jirrimarka kif l-isport kapaċi jkun mezz ta’ għaqda”, stqarr il-kelliem tal-PN.

“Filwaqt li mill-ġdid nawgura u nirrigrazzja lil Neil Agius għal dan is-suċċess irrid ukoll naqsam l-istess ħsibijiet ta’ awguri u ringrazzjament lill-familjari tiegħu u l-crew kollu li kienu miegħu u tawh l-appoġġ kollu matul din l-inizjattiva.”