Lokali

“Il-PN b’viżjoni u pożittività biex tkompli l-ħidma għall-ġid komuni” – Robert Cutajar

Il-Partit se jkun qed iniedi Kampanja Nazzjonali biex ixettel bis-serjetà aktar kultura sportiva sa mill-bankijiet tal-iskejjel fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva.

Dan saħqu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport, Robert Cutajar f’diskors waqt il-Konferenza Nazzjonali tal-Isport mtella’ mill-Partit Nazzjonalista, fejn spjega li għal din l-inizjattiva mistennija jipparteċipaw atleti minn dixxiplini sportivi varji, kif ukoll personalitajiet oħrajn lokali u internazzjonali.

Robert Cutajar insista li l-Partit Nazzjonalista esprima li Skola Sport, mwaqqfa minn Gvern Nazzjonalista lura fl-2012, irid li jissokta bil-ħidma tiegħu u jibni fuq dak li beda. Huwa saħaq li l-Partit ser ikun qed jimbutta ‘il quddiem sabiex din l-iskors ma tibqax biss sal-Form 5 u saħaq li issa wasal iż-żmien sabiex l-istudji fi Skola Sport ikomplu wkoll għal-livell post sekondarju.

Huwa kompla jisħaq li din il-Konferenza hija l-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni dwar kif inħarsu lejn l-isport fil-Gżejjer Maltin. Dan anke bis-sehem tas-soċjetà b’mod ħolistiku għaliex għall-Partit Nazzjonalista, l-isport ma jfissirx biss investiment fl-infrastruttura u fl-atleti, iżda aktar għarfien għall-poplu favur stil ta’ ħajja sana u l-valuri li l-isport kapaċi joffri.

Il-Kelliem għall-Isport sostna li dan huwa biss il-punt ta’ tluq fil-mixja li l-Partit Nazzjonalista jixtieq li nagħmlu flimkien. Dan kollu ‘l bogħod mill-politika partiġġjana fejn, b’għaqal, b’pożittività u b’viżjoni tkompli l-ħidma fl-interess tal-ġid komuni mingħajr ebda fruntieri.