Lokali

Il-PN jirringrazzja lill-għalliema hekk kif illum qed tintemm sena skolastika mimlija sfidi

Il-professjonalità tal-għalliema, il-letturi u l-edukaturi tagħna spikkat fis-siegħa tal-prova meta, minħabba l-pandemija, kellom fl-istess ħin jingħalqu l-iskejjel u jkompli t-tagħlim ta’ uliedna.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista sellem lill-edukaturi kollha u jirringrazzjahom tal-impenn tagħhom f’mument ta’ sfida, filwaqt li jirrikonoxxi s-sens ta’ inizjattiva tagħhom biex seta’ jkompli t-tagħlim f’sitwazzjoni ta’ pandemija u b’Ministeru mhux ippreparat u attrezzat biex jgħallem online.

Il-Partit Nazzjonalista sellem ukoll lill-istudenti u l-familji tagħhom għall-isforz li għamlu f’din is-sitwazzjoni diffiċli. Fl-istess waqt appella biex il-Ministeru tal-Edukazzjoni jipprepara sew għall-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’Settembru.

Niftħu l-iskejjel jew le, xorta neħtieġu strateġija maħsuba u kkomunikata ta’ kif se nmexxu ‘l quddiem l-edukazzjoni ta’ uliedna. Għandu jkun hemm ukoll protokolli ċari ta’ kif se nkunu qed nagħmlu l-affarijiet. F’Marzu l-għeluq tal-iskejjel u l-element ta’ management by crisis mill-Ministeru tal-Edukazzjoni seta’ kien skużabbli, imma f’ Settembru ma jkunx.

Ma baqax ħin x’nitilfu. Iż-żmien għaddej u jeħtieġ li bi djalogu veru mal-professjonisti, l-unions, il-ġenituri u l-istakeholders kollha titfassal triq ‘il quddiem. L-Oppożizzjoni lesta tkompli tikkontribwixxi f’din id-diskussjoni, temmet tgħid l-istqarrija.