Futbol Sport

Inter viċin ħafna l-akkwist ta’ Hakimi

(Ritratt: EPA)

Rapporti fil-media Taljana qed jgħidu li Inter jinsabu viċin l-akkwist ta’ Achraf Hakimi għal somma ta’ €40 miljun. Hakimi hu proprjetà ta’ Real Madrid u jinsab b’self ma’ Borussia Dortmund. Id-difensur lemini ta’ 21 sena ngħaqad ma’ Borussia Dortmund fl-2018 b’self għal sentejn, bil-klabb Ġermaniż kienu wkoll interessati li jakkwistawh b’mod permanenti. F’dan l-istaġun, skorja disa’ gowls fil-Bundesliga.

Il-ġimgħa l-oħra Dortmund ħabbru l-akkwist tal-full-back Thomas Meunier meta l-kuntratt tiegħu ma’ PSG jiskadi fit-30 ta’ Ġunju. Dortmund jidhru wkoll interessati fiż-żagħżugħ ta’ 16-il sena Jude Bellingham li hu proprjetà ta’ Birmingham.

Hakimi jidħol fil-formazzjoni ta’ 3-5-2 użata mill-kowċ Antonio Conte. F’dan l-istaġun, Antonio Candreva kien l-aktar plejer regolari fuq in-naħa leminija għalkemm ġie akkwistat Victor Moses f’Jannar li għadda. Inter bħalissa jinsabu fit-tielet post bi 11-il logħba għal tmiem il-kampjonat tas-Serie A.