Lokali

Għandna naħdmu id f’id għal ġid tal-isport lokali – Mark Cutajar

L-isport f’pajjiżna għandu jmur lill’hinn mill-partiġġjaniżmu u għandna naħdmu id f’id għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Hekk sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar,  waqt il-Konferenza Nazzjonali tal-Isport organizzata mill-PN fejn irrigrazzja lil Partit Nazzjonalista kif ukoll lill-Kelliem -Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport, Robert Cutajar li poġġa s-suġġett tal-isport għad-diskussjoni.

Dan filwaqt li Mark Cutajar saħaq kemm hu importanti li l-media tkun waħda mill-prijoritajiet fl-isport u insista li l-assoċjazzjonijiet lokali għandhom jagħmlu minn kollox bil-għan li jisfruttaw il-media u jimbuttaw ‘il quddiem il-brand tagħhom.

Iċ-Chairperson ta’ Tim Sport PN, Robbie Ebejer, irringrazzja lill-Partit Nazzjonalista talli ħa l-pass u rrikonoxxa l-isport bħala fergħa uffiċjali tal-Partit. Huwa saħaq li jinsab konvint li hawn numru ta’ atleti lokali li huma ta’ livell internazzjoni. Madanakollu appella sabiex tinstab soluzzjoni bil-għan li pajjiżna ma jibqax jitlef aktar talenti.

Ebejer insista li numru ta’ atleti jwaqqfu ħesrem it-taħriġ u preparazzjoni tagħhom bil-għan li jkomplu l-istudji akkademiċi u temm jgħid li kawża ta’ dan il-fatt qed nitilfu ħafna talenti.