Lokali

“Jekk nemmnu verament xejn m’hu impossibli” – Adrian Delia, Kap tal-PN

“Għall-Partit Nazzjonalista l-isport huwa prijorità għax jgħallem lil kulħadd – mhux b’anqas lil uliedna – biex inkomplu nistinkaw sakemm negħlbu l-isfidi li nsibu quddiemna. Jekk nemmnu verament, xejn m’hu impossibli”.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia hekk kif indirizza l-Konferenza Nazzjonali tal-Isport, organizzata mill-Partit Nazzjonalista, bit-tema “L-Isport f’Malta – It-Triq ‘il Quddiem”, fejn insista li l-Partit Nazzjonalista huwa deċiż li PN fil-Gvern jeleva l-isport minn Segretarjat għall-Ministeru.

Huwa sostna li kull atleta jew kompetitur m’għandux jaħseb biss sabiex jirbaħ iżda għandu jistinka u jaħdem bil-għan li kull jum li jgħaddi ikun aħjar mill-ġurnata ta’ qabel. Adrian Delia sostna li din hija l-mentalità ġusta, il-mentalità li hija ta’ għodda b’saħħitha mhux biss fl-isport iżda ankè fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-isport għandu jkun parti mill-kultura li ssawwarna – parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum u bżonn li jwassalna għall-prinċipji u valuri sodi mgħalma liż-żgħażagħ tagħna.

Adrian Delia stieden lil kull min b’xi mod jagħmel parti mix-xena sportiva lokali, kemm atleti kif ukoll għaqdiet u assoċjazzjonijiet sabiex jersqu viċin il-Partit Nazzjonalista u jaqsmu ideat sabiex jitfassal futur b’viżjoni ċara f’dan il-qasam għall-ġid komuni.