Lokali Qorti

Mhux ħati li b’negliġenza kkawża l-mewt ta’ anzjana f’inċident tat-traffiku

Sewwieq li llum għandu 37 sena li kien laqat anzjana li kienet qeda taqsam triq traffikuża f’Raħal Ġdid fl-2010, ma nstabx ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali, li kkawża l-mewt tagħha b’mod negliġenti

Wayne Grima kien ġie mixli bl-omiċidju involontarju ta’ Vincenza Ellul ta’ 73 sena u li kkaġunalha ferita gravi. Grima kien ġie akkużat ukoll li saq b’mod perikoluż u li saq vettura bi brejkijiet difettużi.

Ellul sofriet ġrieħi f’rasha u kienet mietet l-isptar 18-il jum wara li ntlaqtet mill-vann ta’ Grima waqt li qasmet it-triq. Grima kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati fl-2016 li kkundannatu 18-il xahar ħabs, sospiżi għal 4 snin, kif ukoll kellu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu sospiża għal 12-il xahar.

Permezz tal-avukati tiegħu, Franco Debono u Marion Camilleri, ix-xufier appella. L-Imħallef Giovanni Grixti, fis-sentenza tiegħu dwar il-każ, innota li l-vittma kienet qed taqsam Triq Ħaż-Żabbar f’Raħal Ġdid minn post fejn ma kien hemm l-ebda sinjali taż-żebra u li lanqas ma kien hemm sinjali tal-limitu tal-veloċità “jew sinjali oħra biex jiġbdu l-attenzjoni partikolari.”

Espert maħtur mill-Qorti kien innota li l-vittma qasmet it-triq minn wara xarabank li kienet wieqfa fil-karreġġjata tax-xarabank. Ħareġ ukoll li l-vann ta’ Grima kien għaddej b’veloċità ta’ 60 kilometru s-siegħa u meta bbrejkja l-veloċità naqset għal 44 kilometru s-siegħa mal-ħin tal-impatt.

L-espert kien aġġudika li l-brejkijiet tal-vann kienu difettużi – xi ħaġa li l-akkużat ċaħad. Grima kien qal fil-Qorti li kien qed isuq b’veloċità ta’ 35 kilometru s-siegħa meta l-mara qasmet tiġi lejn it-triq minn wara x-xarabank li kienet wieqfa, b’rasha baxxuta.

Huwa spjega lill-Imħallef li meta ntlemaħ il-mara anzjana pprova jiskapulha, iżda hija baqgħet tiġri quddiem il-vann tiegħu, lu ntlaqter f’rasha u l-ispalla.

Huwa nsista li l-vann tiegħu kien għadda l-VRT tiegħu xhur biss qabel l-inċident u għalhekk il-brejkijiet tiegħu ma setgħux ikunu difettużi, iżda l-Qorti qalet li l-vann ma kienx tajjeb ħafna fit-triq fil-mument tal-inċident.

L-avukati ta’ Grima argumentaw li l-Qorti tal-Maġistrati, li ddeċidiet li Grima kien qed isuq bi traskuraġni u malajr, injorat xhieda ewlenija li setgħu wasslu għall-verità ta’ dak li ġara f’dak il-jum.

Il-vittma anzjana ma kinitx attenta u prudent meta kienet qed taqsam it-triq, sostniet id-difiża. Ix-xufier kien argumenta li kienu ttieħdu sett żbaljati tal-marki tal-brejkijiet misjuba fuq il-wiċċ tat-triq u dan kien ittieħed kont fl-għaoti tas-sentenza.

Fuq dan l-argument, il-Qorti kkwotat mill-Ġurisprudenza u osservat li l-marki tal-brejkijiet kienu evidenza ċirkostanzjali li kellhom jaqblu mal-bqija tal-provi li għandhom jiġu kkunsidrati.

Fil-konklużjonijiet tagħha l-Qorti qalet li hija ma tistax tibbaża ruħha kompletament fuq ir-rapport tal-espert u teskludi l-evidenza l-oħra li wriet li Ellul qasmet it-triq arterjali, minn wara tal-linja u fl-iktar punt wiesa’ tagħha, b’rasha baxxuta l isfel.

Dan indika li l-vittma ma tagħatx każ it-traffiku, qal l-Imħallef. Għaldaqstant huwa qal, l-ewwel Qorti ma setgħetx raġonevolment tasal għal konklużjoni ta’ ħtija. Grima nħeles mill-akkużi kollha u minn kull piena, bis-sentenza tinbidel għal kollox.