Lokali Qorti

Mixli li ta fastidju lill-ex tfajla tiegħu u li attakka lill-ħabib tagħha

Raġel ingħata l-libertà proviżorja wara li allegatament ta fastidju u wettaq intimidazzjoni lill-ex-tfajla tiegħu kif ukoll attakka lill-ħabib tagħha f’ristorant.

Emmanuel Zammit ta’ 33 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras mill-Ispettur Roderick Attard, akkużat b’fastidju, li ġiegħel lill-mara tibża’ li se tintuża’ vjolenza kontriha, li weġġa’ ħafif lir-raġel l-ieħor, li għamel ħsara fuq il propjetà tiegħu u li bagħat theddid fuq il-mobajl ċellulari. Huwa kien akkużat ukoll bis-serq ta’ ġakk tal-karozza.

L-allegat aggressjoni seħħet f’ristorant li jispeċjaliżża fil-ħut f’Birżebbuġa nhar il-Ħamis, iżda r-raġel huwa mifhum li ilu jintimida lill-vittma tiegħu għal xhur sħaħ.

L-akkużat, ħaddiem tal-Freeport, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-avukat tiegħu, Albert Zerafa, talab għall-ħelsien mill-arrest bit-talba ma ssibx oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni.

Il-Qorti, wara li imponiet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi, ħelset lir-raġel mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jipprovax jikkuntattja lill-mara jew lill-ħabib tagħha. Il-ħelsien mill-arrest tiegħu ingħata fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.