Edukazzjoni Lokali

Prospectus ġdid għall-Higher Secondary tan-Naxxar

3 xhur oħra lura għall-iskola

Ninsabu ħerqa sabiex f’Settembru nerġgħu nibdew nilqgħu fi ħdana l-istudenti. Hekk sostna s-Surmast tal-Iskola Giovanni Curmi Higher Secondary, Gaetano Calleja fejn f’konferenza tal-aħbarijiet ġie mniedi prospectus ġdid għall-Higher Secondary tan-Naxxar.

Is-Sur Calleja sostna li din is-sena kienet waħda partikolari ferm kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-istudenti li kellu jwaqqfu ħesrem ir-rutina skolastika tagħhom kawża tal-pandemija tal-Covid-19 li l-Gżejjer Maltin spiċċaw iħabbtu wiċċhom magħha. Madanakollu, huwa insista li lkoll kemm huma ħadmu qatigħ bil-għan li kemm jista’ jkun dan il-virus ma jtellifhomx.

Wirja ta’ din il-ħidma sfieqa huwa proprju dan il-prospectus. Gaetano Calleja spjega li ġeneralment dan il-ktejjeb ikun mimli ritratti ta’ studenti li preżentament jinsabu jsegwu l-istudji tagħhom fl-iskola diġà.

Madanakollu din is-sena, il-ktieb li ser ikun qed jilqa’ l-istudenti ġodda huwa mimli b’xogħol u frott il-ħidma tal-istudenti u għalliema tal-arti. Dan l-għaliex minflok ritratti, hemm disinji diġitali bl-immaġini tagħhom stess magħmula mill-edukaturi u l-istudenti nfushom.