Internazzjonali

Stati Uniti: Il-Kamra tar-Rappreżentanti tgħaddi abbozz għal riforma fil-pulizija, b’relazzjoni mal-każ ta’ George Floyd

Il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington għaddiet abbozz għal riforma sinifikanti fil-Korp tal-pulizija li, madankollu, ftit għandu ċans li jgħaddi bħala liġi, meta mistennija oppożizzjoni kbira min-naħa tar-Repubblikani fil-Gvern.

Il-Kamra, li hi kontrollata mid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni, ivvutat b’236 favur u b’181 kontra biex din il-miżura tgħaddi – bil-votazzjoni tinżamm fuq il-livell tal-partiti rappreżentati f’din l-Istituzzjoni.

Il-leġislazzjoni hi msemmija għal George Floyd, ir-raġel iswed li xahar ilu, tilef ħajtu f’Minneapolis waqt li kien qed jinżamm arrestat mill-pulizija u li mewtu wasslet għal valanga ta’ protesti vjolenti fl-Istati Uniti u madwar id-dinja.

Intant, il-President Repubblikan tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jhedded li jeżerċita d-dritt tal-veto fil-konfront tal-abbozz għar-riformi fil-pulizija. Fl-istess ħin, il-membri Repubblikani fis-Senat qed jipproponu abbozz ieħor għall-korp li ma jidhirx radikali daqs l-abbozz tad-Demokratiċi.

Il-George Floyd Justice in Policing Act għadda eżattament xahar wara l-mewt ta’ Floyd u l-proċess sar b’rata mgħaġġla storika għal dan it-tip ta’ leġislazzjoni.

L-abbozz kif ippreżentat mid-Demokratiċi għandu jżomm lill-uffiċjali tal-pulizija personalment responsabbli għad-danni li jistgħu jintalbu waqt rikorsi fil-qrati li jressqu persuni ‘abbużati mill-qawwiet tal-liġi’. L-abbozz jesiġi wkoll biex il-pulizija ma jwettqux ir-rejds għall-għarrieda waqt it-tfittxija għad-droga, u biex ma jintbagħatx aktar tagħmir militari ‘żejjed’ lid-dipartimenti tal-pulizija.

Għalkemm tliet membri Repubblikani tal-Kamra vvutaw favur l-abbozz, ir-Repubblikani fis-Senat qed jirrifjutaw li jaċċettaw il-versjoni (tal-abbozz) mill-Kamra tar-Rappreżentanti. Dawn ir-Repubblikani ressqu l-argument li l-abbozz, kif inhu, għandu jnaqqas mis-saħħa tad-dipartimenti għall-infurzar tal-liġi.

Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi qed jgħidu li l-abbozz li qed jipproponu r-Repubblikani mgħandux jipproteġi lill-Amerikani sewed. Dan wara li d-Demokratiċi fis-Senat, din il-ġimgħa, ċaħdu lir-Repubblikani mill-voti meħtieġa biex jinfetaħ debattitu ( floor debate) dwar il-leġislazzjoni tagħhom.

Il-President Trump, sadanittant, qal li r-Repubblikani u d-Demokratiċi ‘għandhom filosofiji differenti’. Dan meta Nancy Pelosi, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, din il-ġimgħa, irrabjat lir-Repubblikani wara li akkużathom ‘b’li qed jippruvaw jiskansaw il-ħtija għall-omiċidju ta’ George Floyd’.

L-ebda wieħed mill-abbozzi proposti ma jsejjaħ biex jonqsu l-fondi għall-Korp tal-Pulizija jew biex il-fondi inkwistjoni jkunu investiti f’servizzi oħrajn fil-komunità, bħalma qed jinsistu l-attivisti mal-moviment ‘Black Lives Matter’.