Sport

Organizzata Konferenza Nazzjonali b’erba temi prinċipali li jolqtu lil dawk involuti fl-isport

Il-Konferenza Nazzjonali tinkludi erba' temi

Illum ġiet organizzata Konferenza Nazzjonali dwar l-Isport bl-għan li toħloq għarfien dwar ċertu temi li se jwasslu biex jingħataw aktar importanza fil-politika tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Isport. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar ta ħarsa lejn l-erba’ temi f’din il-Konferenza Nazzjonali. Dawn huma l-Fondi Ewropej, il-Valuri fl-Isport, l-użu tal-Media Soċjali u r-Razziżmu. Robert Cutajar qal li l-politika partiġġjana għandha tibqa’ barra mill-isport u l-Oppożizzjoni se tkun qed tniedi proċess ta’ konsultazzjoni bil-punt tat-tluq hu li kulħadd irid jaħdem flimkien biex jinħolqu ideat validi għal dan is-settur.

Il-Fondi Ewropej: Opportunitajiet li qed jintilfu mill-Għaqdiet u Klabbs Sportivi Maltin u Għawdxin

Id-Direttur għall-Fondi Ewropej fil-MEUSAC Darren Grasso tkellem dwar tliet programmi prinċipali li fihom l-għaqdiet sportivi jistgħu jibbenefikaw minn fondi. Għall-Unjoni Ewropea, l-isport jaqa’ taħt il-programm Erasmus+. L-Objettivi ta’ Erasmus+ Sport huma li jagħtu promozzjoni u sapport lill-governanza tajba fl-isport u l-karriera doppja tal-atleta, il-promozzjoni tal-attivitajiet volontarji tal-isport u t-theddida lill-integrità tal-isport.

Dawk li jixtiequ aktar dettalji kif jistgħu jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jagħmlu kuntatt fuq 22003300 (Malta) u 21552868 (Għawdex), jibagħtu email fuq funding.meusac@gov.mt jew jidħlu fil-paġna ta’ facebook ta’ MEUSAC Malta. L-uffiċċju tal-MEUSAC jinsab f’280, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta u dak f’Għawdex jinsab fi Triq il-Madonna tar-Rummiena, fix-Xewkija.

Il-Media Soċjali: L-Għaqdiet Sportivi Maltin qegħdin jieħdu l-massimu minn dawn il-pjattaformi?

Ivan Bartolo qal li l-media soċjali qed iċċekken id-dinja u semma kif Facebook, Youtube u WhatsApp  flimkien ma’ Messenger u Instagram huma l-aktar ħames mezzi popolari madwar id-dinja f’din l-ordni. Skont statistika, 88% tal-popolazzjoni Maltija tinsab fuq il-media soċjali u tikklassifika fit-tieni post fl-Ewropa. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Soċjetà Diġitali tkellem dwar diversi suġġetti relevanti li flimkien iħallu effett fuq l-atleta jew il-klabb partikolari. Ivan Bartolo tkellem kif atleta jew klabb irid juri l-personalità tiegħu, isaqsi l-mistoqsija għaliex in-nies għandhom isegwu lilhom, imbagħad jippromwovu lilhom infushom.

“Tridu ssiru kalamita u żżommu l-messaġġ sempliċi.” Il-kredibbiltà għal Ivan Bartolo hi tema importanti u sostna li hi importanti li wieħed ikollu l-abbiltà li jintegra l-aspetti soċjali li jduru mal-isport biex l-atleti jsiru aktar persuni. Hu ta parir biex jippromwovu l-Corporate Social Responsibility u ta parir biex dak kollu li jsir fuq il-media soċjali għandu jiġi rrakontat bħala storja għaliex in-nies iħobbu jisimgħu l-istejjer. Wara li jiġu segwiti dawn il-punti, Ivan Bartolo qal li trid tinżamm il-konsistenza u jsir il-proċess li jiġi implimentat kollox.

Il-Manager tal-Media Soċjali ta’ Apollon Limassol Panicos Frangoudes tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-klabb u kif jużaw il-media soċjali għall-benefiċċju tal-klabb tagħhom. Hu qal li fi Frar jagħmlu evalwazzjoni ta’ dak li jkunu għamlu u fejn jistgħu jtejbu l-operat tagħhom. Panicos Frangoudes iqis Seba’ Pilastri li huma importanti biex iħaddmu l-media soċjali bl-aħjar mod. Dawn huma id-Dehra tal-klabb, it-Tqassim tax-Xogħol, Konsistenza, Frekwenza, Varjetà, Interazzjoni, Relevanza.

Il-Valuri fl-Isport: Il-bżonn li nibqgħu nagħtuhom prijorità fil-qasam sportiv

Lara Tonna, Lecturer fl-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika fl-Università ta’ Malta, tkellmet dwar il-bżonn li l-isport jibqa’ jingħata l-importanza. Hi semmiet il-valuri Olimpiċi u dawk tradizzjonali u tkellmet dwar il-bżonn li l-bniedem jibqa’ jaħdem fuqhom. Hi saqsiet x’inhu l-valur tal-isport u għamlet referenza kif bniedem li hu sportiv jista’ jittrasferixxi dak li jieħu mill-isport, fil-post tax-xogħol tiegħu. Lara Tonna saħqet dwar il-bżonn li l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel tiddistakka ruħha mill-aspett tradizzjonali fejn inkludiet l-importanza tal-aspetti tas-saħħa u l-inklussività fl-etajiet iż-żgħar.

Stevie Camilleri qal li wieħed ma jistax jillimita l-isport fuq l-aspetti ta’ saħħa u ekonomija biss għaliex hemm ħafna żoni importanti bejniethom. Il-captain tat-tim nazzjonali tal-waterpolo semma l-importanza tal-valuri fosthom l-integrità, il-lealtà u l-onestà bħala fost l-aktar importanti. Hu qal li f’post li kien kiteb fuq facebook kien qal li “l-isport jassigura votanti aħjar li jirrikjedu politiċi aħjar li jwasslu għal soċjetà aħjar.” Stevie Camilleri jikkunsidra li jekk iż-żgħażagħ huma tajbin biex jivvutaw ta’ 16-il sena, għandu jkollhom esperjenza li jkunu kapaċi jieħdu deċiżjoni u jiġġudikaw min kapaċi jmexxihom. Camilleri hu tal-opinjoni li dan l-għarfien jista’ jiġi jekk l-isport jingħata aktar importanza.

Ir-Razziżmu fl-Isport: L-isport għandu jservi bħala għodda biex niġġieldu din il-pjaga

Il-gowlkiper tal-futbol Rashed Al-tumi u l-atleta Sarah Chouhal tkellmu dwar il-problema tar-razziżmu fl-isport. Rashed Al-tumi tkellem dwar l-esperjenza personali li jaffaċċja fil-pitch fejn jiġi intimidat bi ħsejjes u tgħajjir razzisti biex anki jfixklu l-prestazzjoni tiegħu.

Sarah Chouhal qalet li sfortunatament ir-razziżmu jiġi missielet biss meta jkun hemm xi aħbar fil-media. Hi wkoll tat testimonjanza personali fejn qalet li kienu jużaw il-kulur tal-ġilda tagħha biex iwaqqfuha mis-suċċessi tagħha.

Is-Safeguarding Officer tal-MFA Jareth Grima qal li meta jisma’ testimonjanza bħal dawn jinduna kemm fadlilna x’naqdfu. Hu saħaq dwar l-iżvilupp u d-determinazzjoni tal-assoċjazzjonijiet biex jissieltu din il-pjaga fis-soċjetà. Grima qal li l-abbuż jinqasam f’erba’ taqsimiet li huma l-abbuż sesswali, l-abbuż fiżiku, l-abbuż emozzjonali u l-fatt li xi ħadd jiġi mwarrab. Hu ddeskriva l-bullying bħala imġieba mhux neċessarja u appella li l-fatt li xi ħadd jitlob l-għajnuna mhux sinjal ta’ dgħjufija.

Il-Konferenza Nazzjonali tista’ tiġi segwita f’dan il-link https://www.facebook.com/watch/live/?v=1167761503588973&notif_id=1593100849818095&notif_t=live_video_explicit